Darren D’Amato ta’ 41 sena residenti ż-Żurrieq tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li seraq credit card minn karozza pparkjata f’Ħal Qormi. Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel kien għamel użu minn din il-card u wara rritornaha lis-sid.
Ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut akkużat b’serq aggravat u li kkawża ħsarat ta’ €80 lill-vettura.
Huwa kien ukoll mixli li kiseb flus permezz ta’ qerq, li kiseb profitt b’mod frawdolenti, li għamel użu ħażin minn credit card tal-bank u li kien fil-pussess tagħha.
Fil-Qorti ntqal li l-mara kienet għamlet rapport li kienet ipparkjat il-karozza fi Triq l-Isqof Scicluna, Ħal Qormi, u l-għada sabet it-tieqa miksura u l-portmoni nieqes. Il-portmoni kien fih l-karta tal-kreditu nieqsa.
Il-mara bdiet tirċievi messaġġi awtomatiċi mill-bank, fosthom wieħed fit-3.00 a.m. li kien juri li xi ħadd uża l-card tagħha u nefaq €150 fi tliet pompli tal-petrol. L-imputat ipprova wkoll jiġbed €500 iżda ma rnexxilux.
L-imputat ammetta u qal li hu uża biss €50 fi fuel għall-karozza tiegħu u li l-€100 l-oħra ma għaddewx.
Wara li kkonferma l-ħtija, il-qorti poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin u taħt ordni ta’ trattament għall-istess perjodu sabiex jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-problemi tad-droga tiegħu. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €80 għall-ħsarat u €150 bħala kumpens għall-flus misruqa. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Roderick Attard. Għall-imputat dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.