
Is-Sibt li għadda, fil-lokalità tal-Għasri, wieħed mill-iżgħar irħula ta’ Għawdex li jinsab ftit passi ’l bogħod mill-belt Victoria, ġiet organizzata attività mil-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Kienet lejla ta’ divertiment u tradizzjonijiet kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar. Kien hemm bosta stands tul Triq Dun Karm Caruana u parti mil-Pjazza s-Salvatur fejn dawk preżenti setgħu jduqu jew jixtru ikel tradizzjonali Malti, inbid, żejt taż-żebbuġa u għasel lokali fost oħrajn. Kien hemm ukoll mużika u wirjiet live kontinwi minn Jolene Samhan and Band, u oħrajn, fosthom, wirja ta’ kif tinħadem il-bizzilla Maltija u wirja ta’ oġġetti antiki.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.
