Lazo Bojinovic, Serb ta’ 21 sena, kien ikkundannat sentenza sospiża u se jiġi deportat lura pajjiżu wara li ammetta fil-Qorti t’Għawdex li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstasy u l-kokaina. Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tal-10.30 p.m., f’Marsalforn.
Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li fi Triq ir-Rabat, Marsalforn, Għawdex, kienet qiegħda ssir ‘road check’ fejn fost l-oħrajn ġie nnutat l-imputat. Qal li miegħu kellu passiġġier u meta ġie mitlub biex jieqaf, dan allegatament ipprova jaħrab lill-pulizija.
Minn tfittxija li saret fil-vettura, fin-naħa tal-passiġġier instabu erba’ pakketti kannabis filwaqt li fuq l-imputat instabu aktar minn 1,000 ewro fi flus kontanti. Qal li dawn il-flus qajmu suspett lill-Pulizija fejn wara li nħareġ mandat ta’ arrest u anke ta’ tfittxija, il-Pulizija marru fir-residenza tiegħu fil-Fontana u hemmhekk sabu aktar droga.
Waqt l-investigazzjonijiet, Bojinovic qal lill-Pulizija li d-droga li kienu sabu kienet għall-użu personali tiegħu. L-Ispettur Xerri qal li minn investigazzjonijiet ulterjuri rriżulta wkoll li ma kien hemm l-ebda ħsieb li din id-droga kienet se tiġi traffikata.
L-imputat, permezz tal-interpretu wieġeb ħati tal-akkużi kontrih, bil-Maġistrat twissih li bl-ammissjoni tiegħu l-Qorti bilfors trid issibu ħati u timponi sentenza.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali, Dr Nadine Stivala qalet li l-imputat hu ddispjaċut ferm għal dak li wettaq kif ukoll ma kellu l-ebda intenzjoni li dik id-droga jittraffikaha lil xi ħadd.
Il-Qorti wara li mill-ġdid reġgħet semgħet l-ammissjoni tas-Serb, ikkundannatu 12-il xahar ħabs sospiżi għal għal sentejn u multa ta’ 500 ewro. Wara dawn il-proċeduri, is-Serb se jkun qiegħed jiġi deportat lura lejn pajjiżu.