Fil-jiem li ġejjin, il-Pulizija ser tressaq Serb ta’ 34 sena l-Qorti wara li lbieraħ filgħaxija ġie arrestat għaliex daħħal materjal illegali fl-Istadium Nazzjonali, Ta’ Qali.
Waqt li kienet għaddejja partita futbol, il-Pulizija li kienu xogħol fl-imsemmi post innutaw partitarju jixgħel flare u wara tefgħu fil-ground.
Minn investigazzjonijiet li bdew immedjatament u permezz ta’ filmati li l-pulizija analizzat, ġie individwat dan il-partitarju. Malli l-pulizija avviċinawh, ir-raġel ipprova jaħrab, iżda nżamm mill-pulizija u anke rreżista l-arrest.
Huwa ttieħed l-Għassa ta’ Birkirkara u wara l-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana.