Il-midfielder Sergej Milinkovic-Savic ċaħad “xnigħat” li ssuġġerew li hu lest li jitlaq lil Lazio.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, rapport sostna li l-internazzjonali Serb jista’ jtemm l-esperjenza tiegħu mal-Biancocleste, wara sitt snin u nofs, matul it-tieqa tat-trafsreimenti tas-sajf.
Bil-player ta’ 26 sena jingħad ukoll li kellu nuqqas ta’ qbil mal-coach Maurizio Sarri, tippersisti l-ispekulazzjoni li Manchester United eventwalment jistgħu jkunu d-destinazzjoni li jmiss tiegħu.
Madankollu, meta kkummenta fuq Instagram, Milinkovic-Savic qal: “Nara ħafna xnigħat dwari imma… ma jimpurtanix! Irrid biss li Lazio jirbħu.”
Sarri kkummenta wkoll dwar dawk li ddeskriva bħala “aħbarijiet foloz”, u qal lill-ġurnalisti: “Kelli ġlieda waħda biss ma’ Luis Alberto, erba’ xhur ilu. Qrajt waħda mill-akbar aħbarijiet foloz, li kelli ġlieda ma’ Milinkovic-Savic. Dan mhux minnu.”
Milinkovic-Savic għad fadallu sentejn u nofs fil-kuntratt tiegħu ta’ Lazio.