Id-difensur ta’ Paris Saint Germain, Sergio Ramos, huwa suġġett ta’ offerta fenomenali mingħand il-club mill-Arabja Sawdija, Al Hilal.
Wara li lagħab ma’ Real Madrid għal 15-il sena fejn magħhom rebaħ kollox għal diversi drabi, fis-sajf tal-2021 huwa ngħaqad mal-club Pariġin.
Minkejja li għandu 37 sena, Ramos xorta waħda huwa meqjus bħala player utli ħafna fejn qed jattira l-attenzjoni fil-Lvant Nofsani.
Ġie rrappurtat li Al Hilal huma lesti li joffru lil Ramos salarju nett ta’ €30 miljun fis-sena, li huwa kważi erba’ darbiet il-paga li jaqla’ ma’ Paris SG.
Al Hilal bħalissa jinsabu fir-raba’ pożizzjoni tal-kampjonat domestiku.
Madankollu, rapporti oħra qed isostnu li huwa jippreferi jibqa’ jilgħab fi Franza minħabba li jinsab f’taħdidiet biex iġedded il-kuntratt għal sena oħra.