F’attività politika fil-Mosta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, ammetta u faħħar il-miżura mħabbra fil-Budget 2026 tat-tnaqqis fit-taxxi għall-familji Maltin u Għawdxin li ta l-Gvern Laburista. Mhux talli hekk, talli filwaqt li ċaħad li huwa se jneħħihom, qal li jekk huwa jitla’ fil-gvern, se jkomli jibni u “jagħti aktar”. Minkejja li ammetta li Gvern Laburista jagħmel il-ġid, xorta l-Kap tal-Oppożizzjoni sab spazju biex jikkritika u jattakka l-Gvern.
“Ovvja li tajbin. Ma kien hawn ebda gvern li għamel kollox ħażin jew kollox tajjeb u ġaladarba l-poplu jagħtina l-fiduċja, dak li sar tajjeb se nkomplu nibnu aktar… Aħna qegħdin inkunu trasparenti u ċari. Determinati li mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem,” insista Borg.
Din il-wegħda kompla jirribattiha bis-suġġett tal-ġimgħa xogħol fuq erbat ijiem flok ħamsa, jiġifieri l-4 day week. Fir-rigward il-Kap tal-PN reġa’ mbotta l-politika tiegħu billi qal li kienu huma li “b’kuraġġ” qajmu din id-diskussjoni u “kburi li fid-diskussjoni nazzjonali tqajjem dan dan is-suġġett mill-Malta Employers. Borg hawn qal li bħala partit irid isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja, il-produttività u l-ħidma. Allega li l-ġimgħa l-oħra huwa ġie attakkat imma “spiċċaw jiddiskutu dan is-suġġeett li ressaqna aħna bħala Oppożizzjoni. Laqgħu l-punti li semmejna. Kien hemm diversi diskussjonijiet u rridu nirrikonoxxu li ma tapplikax il-one size fits all. Jien qajjimt id-diskussjoni biex naraw kif pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem u nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar”.
Fl-istess diskors il-Kap tal-PN baqa’ għaddej bir-retorika ta’ attakki kontra l-Gvern. Attakki saħansitra personali li bihom ipprova jwaqqa’ l-kredibbiltà tal-Prim Ministru Robert Abela. Dan fejn fl-istess nifs ammetta bil-ġid li l-istess Prim Ministru qiegħed jagħmel.
Huwa semma’ fost l-oħrajn l-għażla tal-Prim Imħallef li għaliha l-membri Parlamentari tal-PN din il-ġimgħa waqqfu kollox wara li vvotaw kontra. B’tgħajjir bħal “tmexxija infantili” u “giddieb” id-diskors ta’ Alex Borg spiċċa ntilef mill-vera sens ta’ attivitajiet politiċi bħal dawn – jiġifieri dak li jindirizza l-poplu bil-viżjoni tiegħu. Minflok, ħa ħsieb li jsemmi ż-żjara li kellu għal għeluq sninu ma’ Eddie Fenech Adami fejn ħares lejn it-tmexxija ta’ snin ilu tiegħu u nsista li din il-viżjoni kienet rebħa għall-poplu u li għadna ngawdu minnha sal-lum.
Borg temm jinsisti li, “aħna determinati li nerġgħu nagħtu dik il-ħolma ta’ Malta u Għawdex aħjar fejn kulħadd igawdi magħna”.

