F’dawn it-tlett ijiem tintlagħab is-sitt ġurnata tas-Serie A fejn l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq it-tliet timijiet ta’ fuq li bħalissa għaddejjin minn forma tajba.
Iżda filwaqt li Napoli u Atalanta jibdew favoriti kontra Spezia u Cremonese rispettivament, Milan għandhom partita diffiċli meta jmorru għand Sampdoria.
Napoli v Spezia – Napoli għandhom ċans kbir li jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu lil Spezia.
Dawn tal-aħħar kisbu ħames punti minn daqstant logħbiet wara rebħa u żewġ draws.
Min-naħa tagħhom, Napoli jinsabu bi 11-il punt daqs AC Milan fit-tieni post, żewġ punti taħt il-leaders Atalanta.
L-attakkant mill-Georgia Khvicha Kvaratskhelia qed jispikka mal-Partenopei meta skorja erba’ goals f’ħames partiti u qed ikun wieħed mill-players strumentali għal Luciano Spalletti.
In-Naplitani jinżlu b’moral mill-aktar għoli hekk kif ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Liverpool fil-UEFA Champions League.
Huma għandhom nieqes lil Diego Demme li qed ibati minn uġigħ f’siequ filwaqt li Spezia għandhom ħames players neqsin – David Strelec, Daniele Verde, Daniel Maldini, Salvador Ferrer u Kelvin Amian Adou.
Sampdoria v Milan – Iċ-champions Taljani Milan jilagħbu barra minn darhom f’Genova kontra Sampdoria.
It-team immexxi minn Stefano Pioli ġej minn rebħa tajba ta’ 3-2 fid-derby kontra Inter sabiex baqa’ jżomm il-pass mat-timijiet ta’ fuq.
Huma se jiltaqgħu kontra Sampdoria, team li xejn ma kellu bidu feliċi tant li kiseb biss żewġ punti minn ħames logħbiet.
Peró meta jilagħbu f’darhom ikunu sfida denja u għaldaqstant din hija logħba meqjusa bħala waħda delikata.
Huma ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Manuel De Luca u Samuele Trimboli.
Min-naħa ta’ Milan dawn għandhom neqsin lil Alessandro Florenzi u Rade Krunic għall-istess raġuni.
Atalanta v Cremonese – Il-leaders tal-klassifika, Atalanta jilqgħu lil Cremonese f’konfront li m’għandhomx ifallu hekk kif dawn tal-aħħar jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.
Wara staġun diżappuntanti jidher li l-Bergamaschi reġgħu qabdu r-ritmu u jekk jibqgħu juru din il-konsistenza, żgur li se jkunu minn fost l-isfidanti ewlenin.
Huma għandhom lil Berat Djimsiti u Duvan Zapata neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Inter v Torino – Inter jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ meta jilagħbu f’darhom kontra Torino.
Huma ġejjin minn żewġ telfiet – 3-2 kontra Milan fil-kampjonat u 2-0 kontra Bayern Munich fil-UEFA Champions League.
Huma għandhom lil Romelu Lukaku nieqes għax imweġġa’. Min-naħa l-oħra, Torino għandhom barra lil Etrit Berisha, Samuele Ricci, Stephane Singo u Alexey Miranchuk.