Meta tintlagħab l-10 ġurnata tas-Serie A, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq iż-żewġ timijiet li qed jokkupaw l-ewwel post – Napoli u Roma.
Filwaqt li Napoli għandhom partita delikata kontra t-team rivelazzjoni, Como, Roma għandhom partita diffiċli meta jmorru jilagħbu għand Milan.
Napoli v Como – Napoli jilqgħu lil Como f’dik li hija meqjusa bħala waħda delikata.
Dan minħabba li Como, immexxija mill-coach Cesc Fabregas, jinsabu fil-ħames post u jekk joħorġu rebbieħa fi Stadio Diego Maradona, huma jitilgħu żewġ punti biss taħt l-istess Naplitani.
Dawn tal-aħħar mhux dejjem qed juru l-konsistenza hekk kif fl-aħħar ħames partiti sofrew żewġ telfiet.
Bla dubju, huma jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli kontra team li qed jissorprendi minħabba li ma għandu l-ebda pressjoni.
Napoli ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Cyril Ngong, Noa Lang, Alex Meret, Kevin De Bruyne, Stanislav Lobotka, Jesper Lindstroem u Romelu Lukaku.
Milan v Roma – Dan il-konfront huwa l-aqwa wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa.
Hekk kif Roma qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Napoli, jidher li l-coach, Giampiero Gasperini, qed jirnexxielu joħloq bilanċ kbir fl-iskwadra u qed inissel serenitá fost il-players.
Min-naħa tal-Milanisti, dawn ġejjin minn żewġ draws fejn fil-veritá setgħu rebħuhom … bl-aktar player li qed jibbrilla jkun l-ixjeħ wieħed, Luka Modric.
Ir-Rossoneri ma jistgħux jinkludu lil Santiago Gimenez, Pervis Estupinan, Samuel Chukwueze, Christian Pulisic, Adrien Rabiot u Ardon Jashari minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Roma se jkollhom jgħaddu mingħajr Marash Kumbulla, Angelino u Edoardo Bove, minħabba l-istess raġuni.
Verona v Inter – Jekk iridu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq, Inter iridu bilfors jiksbu t-tliet punti meta jmorru jilagħbu għand Verona.
It-team immexxi minn Christian Chivu qed ikun inkosistenti fil-logħob tiegħu hekk kif diġá sofra tliet telfiet.
Cremonese v Juventus – Juventus imorru għand Cremonese b’moral għoli wara li nhar l-Erbgħa għelbu lil Udinese bl-iskor ta’ 3-1 hekk kif din kienet l-ewwel rebħa għall-Bianconeri mit-13 ta’ Settembru fil-kompetizzjonijiet kollha, bil-konsegwenza li keċċew lill-coach, Igor Tudor.
Proprju din se tkun l-ewwel partita taħt il-coach il-ġdid, Luciano Spalletti (ara paġna 19).
Huma ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Carlo Pinsoglio, Timothy Weah, Gleison Bremer, u Arkadiusz Milik.

