Saturday, December 27, 2025

Serie A: Diffiċli għal Inter, faċli għal Milan?

Aqra wkoll

Wara l-programm ristrett ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda minħabba t-tliet partiti tas-Super Cup Taljana li ntlagħbet, fl-Arabja Sawdija, illum u għada tintlagħab is-17-il ġurnata tas-Serie A, fejn l-attenzjoni tkun fuq iż-żewġ timi­jiet tal-belt ta’ Milan, Inter u Milan, li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet. 

Filwaqt li l-leaders Inter imorru f’Bergamo biex jaffrontaw lil Atalanta, il-konfront ta’ Milan ma jidhirx li huwa daqstant diffiċli meta jospitaw lil Verona u għaldaqstant teżisti possibbiltá li jistgħu jaqbżu waħdehom fl-ewwel post.

Atalanta v Inter

Inter jippruvaw iżommu l-ewwel post tal-klassifika tas-serie A Taljana għalkemm għandhom impenn diffiċli kontra Atalanta. It-tim ta’ Cristian Chivu kien involut fis-semifinali tas-Super Cup Taljana iżda safa’ megħlub minn Bologna wara l-għoti tal-penalties.

Chivu jittama fil-forma tal-attakkant Lautaro Martinez sabiex ikompli jrebbaħ lit-tim tiegħu.

Atalanta kellhom staġun b’riżultati mħallta s’issa hekk kif jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika bi 22 punt minn 16-il logħba. It-tim taħt il-kowċ Raffaele Palladino għadu ma sabx saqajh f’dan il-kampjonat għalkemm bil-mod il-mod donnu qed jagħmel progress.

Atalanta għandhom neqsin lil Mario Pasalic, El Bilal Toure, Ademola Lookman, Odilon Kossounou

Berat Djimsiti, Mitchel Bakker u Raoul Bellanova filwaqt li Inter ma jistgħux jużaw lil Ebenezer Akinsanmiro, Francesco Acerbi, Matteo Darmian, Denzel Dumfries, Raffaele Di Gennaro u Tomas Palacios.

Pisa v Juventus

Juventus jippruvaw jibdew xi forma ta’ konsistenza f’dan il-kampjonat partikolarment taħt il-kowċ Luciano Spalletti hekk kif għandhom impenn fit-Toscana kontra Pisa. It-tim Bianconero ġej minn rebħa tajba ta’ 2-1 kontra Roma f’logħba li kienet waħda ferm pożittiva. Il-partitarji akkaniti tagħhom jixtiequ ħafna li t-tim tagħhom jieħu r-ruħ u jikkompeti għall-ogħla postijiet fil-klassifika.

Pisa xejn ma jinsabu f’pożizzjoni tajba fil-klassifika hekk kif huma t-tieni mill-aħħar bi 11-il punt minn 16-il logħba. Huma jafu li mhux se tkun logħba faċli iżda se jippruvaw jieħdu vantaġġ li se jilagħbu f’darhom.

Pisa ma jistgħux jinkludu lil Juan Cuadrado li għadu mweġġa’ filwaqt li Juventus se jkollhom jgħaddu mingħajr Teun Koopmeiners, Juan Cabal, Chico Conceicao, Weston McKennie, Daniele Rugani, Nico Gonzalez, Carlo Pinsoglio, Dusan Vlahovic u Federico Gatti.

Cremonese v Napoli

Napoli jinsabu f’ewforija kbira hekk kif għadhom kemm rebħu s-Super Cup Taljana. It-tim ta’ Antonio Conte jirritorna fl-azzjoni fil-kampjonat hekk kif jilgħab barra minn daru għand Cremonese. S’issa i Partenopei għandhom 31 punt minn 15-il logħba u jinsabu biss żewġ punti bogħod mil-liders Inter. Bħalissa plejers bħal Scott McTominay u Rasmus Hojlund jinsabu f’forma mill-aqwa u qed jikkontribwixxu sew għas-suċċess tat-tim tagħhom.

Cremonese jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika meta għandhom 21 punt minn 16-il logħba. It-tim qed ikollu wirjiet tajbin u kapaċi jissorprendi b’xi riżultat, l-istess bħalma għamlu fl-ewwel logħba tagħhom kontra Milan li rebħu 2-1.

Napoli se jgħaddu mingħajr Sam Beukema, Michael Folorunsho, Zambo Anguissa, Billy Gilmour, Alex Meret u Kevin De Bruyne.

Cremonese għandhom barra lil Federico Ceccherini, Matteo Bianchetti u Michele Collocolo.

Milan v Verona

Milan jilqgħu f’darhom lil Verona fis-16-il ħarġa tagħhom fil-kampjonat. It-tim ta’ Massimiliano Allegri jrid biss jaqbad konsistenza fir-riżultati u jevita draws filwaqt li jirbaħ b’mod konvinċenti. It-tim jinsab fit-tieni post tal-klassifika bi 32 punt minn 15-il logħba u għalhekk punt taħt il-liders Inter.

Verona jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika. Huma ma tantx sejrin tajjeb hekk kif rebħu biss żewġ logħbiet, ġew draw sitt darbiet u sofrew seba’ telfiet. L-attakk u d-difiża mhux li tant sejrin tajjeb lanqas għax huma għandhom 13-il gowl favur u 22 kontra.

Milan għandhom neqsin lil Santiago Gimenez, Rafael Leao, Samuel Chukwueze, Matteo Gabbia, Ismael Bennacer,Alvaro Morata u Santiago Gimenez.

Verona ma jistgħux jinkludu lil Paolo Zanetti, Rafik Belghali, Giovane Nascimento, Domagoj Bradaric, J. Akpa-Akpro u Tomas Suslov.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport