F’dan tmiem il-ġimgħa tintlagħab it-32 ġurnata tal-Kampjonat Taljan fejn l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq l-ewwel tliet timijiet, Milan, Napoli u Inter, li kollha jinsabu biċ-ċans li jirbħu t-titlu.
Iżda filwaqt li fuq il-karta jidher li Inter ikunu favoriti kontra Verona, Milan u Napoli għandhom partiti delikati meta jaffrontaw lil Fiorentina u lil Torino rispettivament.
Torino v Milan – Wara li ġew miżmuma f’darhom fi draw ta’ 0-0 minn Bologna fejn fallew żewġ punti importanti, il-leaders Milan imorru jilagħbu għand Torino f’dik li hija meqjusa bħala waħda delikata.
Wara din iż-żelqa, huwa mperattiv li r-Rossoneri jirritornaw għar-rebħ fejn il-coach, Stefano Pioli, qed jitlob konsistenza mill-players tiegħu hekk kif f’dan l-istadju ma jistgħux iwaqqgħu aktar punti minħabba li Napoli u Inter qed jixħtu pressjoni qawwija fuqhom.
Huma se jkollhom jilagħbu mingħajr l-imweġġgħin Alessio Romagnoli u Alessandro Florenzi filwaqt li Zlatan Ibrahimovic se jsirlu test aħħari.
Simone Zaza, Antonio Sanabria, Dennis Praet u Mohammed se jkunu neqsin għal Torino minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Napoli v Fiorentina – Napoli jospitaw lil Fiorentina fejn jimmiraw għar-raba’ rebħa konsekuttiva fit-tentattiv li jibqgħu jżommu l-pass mal-leaders.
Bla dubju, il-Partenopei jinżlu b’moral mill-aktar għoli hekk kif ġejjin minn rebħa impressjonanti ta’ 3-1 għand Atalanta.
Peró jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji li jinsabu fit-tmien post u huma meqjusa bħala enigma.
Filwaqt li mistenni jirritorna Victor Osimhen, Napoli se jkunu mingħajr l-imweġġgħin Giovanni Di Lorenzo, Adam Ounas, Andrea Petagna u Alex Meret.
Lucas Torreira, Alvaro Odrionzola u Giacomo Bonaventura huma ndisposti għall-Viola għall-istess raġuni.
Inter v Verona – Inter jilqgħu lil Verona li jinsabu paxxuti f’nofs il-klassifika mingħajr l-ebda ambizzjoni.
Friski mir-rebħa ta’ 1-0 fuq Juventus, in-Nerazzurri jibdew favoriti li jiksbu t- tliet punti meta jinsabu distakkati erba’ punti mil-leaders iżda jridu jirkupraw partita.
Lautaro Martinez se jkun nieqes għall-Interisti għax sospiż filwaqt li Verona se jkunu mingħajr Antonin Barak, Diego Coppola, Igor Pandur u Alessandro Berardi għax imweġġgħin.
Cagliari v Juventus – Juventus imorru Sardinja biex jilagħbu kontra Cagliari fejn jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara li sfaw megħluba f’darhom minn Inter bl-iskor ta’ 1-0.
Min-naħa tagħhom Cagliari għandhom bżonn il- punti hekk kif jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzoni.
Il-Bianconeri se jkollhom jgħaddu mingħajr bosta players – Alvaro Morata u Mattia de Sciglio li huma sospiżi filwaqt li Manuel Locatelli, Kaio Jorge u Westin McKennie qed jirkupraw minn injury.