Inter telgħu fir-raba’ post tal-klassifika tas-Serie A meta rreġistraw goleada ta’ 6-1 fuq Bologna.
Kif jindika r-riżultat, in-Nerazzurri ddominaw dan il-konfront mill-bidu sal-aħħar fejn saħansitra r-rebħa setgħet kienet akbar biex spiċċat mingħajr l-ebda storja.
Peró kienu l-viżitaturi li fetħu l-iskor minn Charalampos Lykogiannis (22). Iżda Edin Dzeko (26) witta din ir-rebħa kbira hekk kif skorjaw ħames goals oħra minn doppjetta ta’ Federico Dimarco (36,48), Lautaro Martinez (42), Hakan Calhanoglu (59 pen) u Robin Gosens (76).
Lecce v Atalanta – Atalanta ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu meta sfaw megħluba minn Lecce bl-iskor ta’ 2-1. Lecce skorjaw żewġ goals f’żewġ minuti minn Federico Baschirotto (28) u Federico Di Francesco (30) filwaqt li Duvan Zapata (40) wieġeb għall-Bergamaschi.
Sassuolo v Roma – Barra minn darhom, Roma ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Sassuolo biż-żewġ goals jaslu tard fil-partita. Kien Tammy Abraham (80) li fetaħ l-iskor għall-Giallorossi iżda Andrea Pinamonti (85) kiseb id-draw għat-team ospitu.
Fiorentina v Salernitana – Fiorentina għelbu lil Salernitana bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn Giacomo Bonaventura (15) u Luka Jovic (81) filwaqt li Boulaye Dia (55) kiseb id-draw momentarju għal Salernitana.
Torino v Sampdoria – Torino telgħu fid-disa’ post tal-klassifika grazzi għar-rebħa ta’ 2-0 fuq Sampdoria bl-protagonisti jkunu Nemanja Radonjic (29) u Nikola Vlasic (59).