Sunday, December 22, 2024

Serie A: Iċ-champions Inter jibdew kontra Genoa

Aqra wkoll

Meta llum jingħata bidu għas-Serie A, iċ- champions Inter jibdew id- difiża tat-titlu billi jmorru għand Genoa. 

Min-naħa ta’ Milan u Juventus, dawn jospitaw lil Torino u lil Como rispettivament.

Genoa v Inter – L-ewwel partita tal-istaġun għal Inter hija barra minn darhom kontra Genoa li fl-istaġun preċdenti temmew fil-11-il post.

It-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, jimmira li jkompli fejn ħalla f’Mejju li għadda meta litteralment iddomina l-kampjonat b’differenza ta’ 19-il punt fuq l-eqreb rivali Milan.

Matul dan is-sajf, in-Nerazzurri komplew isaħħu l-iskwadra hekk kif iffirmaw lil  Mehdi Taremi (Porto), Josep Martinez (Genoa) u Piotr Zielinski (Napoli).

Genoa, għal darb’oħra taħt it-tmexxija ta’ Alberto Gilardino, jimmiraw li jżommu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni hekk kif spiċċaw f’nofs il-klassifika, liema pożizzjoni hija suċ­ċess għal-livell tagħhom.

Huma wkoll għamlu xi akkwisti fosthom Pierluigi Gollini (Atalanta) filwaqt li  Koni Winter (Juventus) u Morten Thorsby (Union Berlin) se jinżammu wara li rnexxew fil-perjodu ta’ self.

Bla dubju, Inter jibdew favoriti li jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Milan v Torino – Milan jilqgħu lil Torino li fl-istaġun li għadda temmew fid-disa’ post u kien hemm żmien fejn kienu wkoll qed jisfidaw għal post fil-UEFA Europa Confernce League.

Minkejja li r-Rossoneri spiċċaw fit-tieni post, huma xorta qiesu din il-pożizzjoni bħala waħda diżappuntanti għall-fatt li qatt ma setgħu jilħqu lill-”kuġini” tagħ­hom li għebu għal kollox fuq l-”orizzont”.

Huma ħatru lill-coach il-ġdid, Paulo Fonseca li ħa post Stefano Pioli li kien ilu fit-tmexxija sa mis-sena 2020.

Ir-Rossoneri għamlu xi rtokki lill-iskwadra fejn inkludew lil Alvaro Morata (Atletico Madrid), Emerson Royal (Tottenham) u Strahinja Pavlovic (RB Salzburg). U bħalissa qed jaħ­dmu fuq akkwisti oħra hekk kif is-suq tat-trasferimenti jagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. 

Anke Torino għandhom coach ġdid – Paolo Vanoli, 52 sena,  li fil-passat mexxa lil Venezia.

S’issa, huma ffirmaw lil Saul Coco (Las Palmas), Duvan Zapata (Atalanta) u Che Adams (Southampton). 

Juventus v Como – Juventus iħarsu lejn dan il-kampjonat bħala tpattija tad-diżappunt tal-istaġun li għadda, fejn spiċċaw fit-tielet post 23 punt wara Inter.

Huma jospitaw lit-team promoss ta’ Como taħt it-tmexxija tal-coach il-ġdid, Thiago Motta, li ħa post Massimilino Allegri, li tkeċċa mill-kariga tiegħu. 

S’issa, huma għamlu bosta akkwisti fosthom, il-goalkeeper Michele de Gregorio (Monza), Juan Cabal (Verona) Khephrem Thuram (Nice) u Douglas Luiz (Aston Villa).

It-team modest ta’ Como, li huwa mmexxi mill-coach, Cesc Fabregas, jimmira li jżomm postu fl-ogħla diviżjoni. 

Ekonomija

Sport