Serie A: Iċ-champions Milan imorru jilagħbu għand Atalanta
Meta tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Kampjonat Taljan, l-attenzjoni prinċipali ddur fuq iċ-champions Milan meta jmorru jilagħbu għand Atalanta f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata.
Min-naħa ta’ Inter u Juventus jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra Spezia u Sampdoria rispettivament.
Atalanta v Milan – Din hi meqjusa bħala waħda mil-logħbiet prinċipali.
Kemm Atalanta kif ukoll Milan rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom fl-ewwel ġurnata hekk kif il-Bergamaschi barra minn darhom għelbu lil Sampdoria bl-iskor ta’ 2-0 filwaqt li r-Rossoneri għelbu lil Udinese 4-2.
Dan se jkun konfront interessanti u delikat u ma tkun l-ebda sorpriża li jintemm fi draw. Peró Milan ifittxu li jagħmlu hat-trick f’Bergamo meta fl-aħħar żewġ staġuni huma ħarġu rebbieħa 2-0 u 3-2.
Huma għandhom lil Sandro Tonali mweġġa’ filwaqt li Atalanta ma jistgħux jinkludu lil Ederson Jose, Merih Demiral u Davide Zappacosta minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Sampdoria v Juventus – Juvenuts imorru għand Sampdoria fejn jimmiraw li jiksbu t-tieni rebħa nfila wara li għelbu lil Sassuolo 3-0.
Peró din ir-rebħa kienet imtappna bl-injury ta’ Angel Di Maria li proprju fid-debutt tiegħu fetaħ l-iskor għall-Bianconeri. Iżda issa se jitlef it-tliet logħbiet li ġejjin.
Iżda fuq nota pożittiva, jidher li l-attakkant Serb, Dusan Vlahovic, se jkun strumentali għat-team immexxi mill-coach Massimiliano Allegri meta skorja ż-żewġ goals l-oħra biex sar l-aqwa skorer Serb fis-Serie A.
Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin, Wojciech Szczesny, Paul Pogba, Federico Chiesa, Arthur u Felix Correa.
Min-naħa l-oħra, Sampdoria għandhom lil Andrea Conti u Simone Tromboli ndisposti għall-istess raġuni.
Inter v Spezia – Inter josptiaw lil Spezia biex fuq il-karta jibdew bħala l-favoriti li jiksbu t-tliet punti.
Huma ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 għand Lecce hekk kif għalqu l-logħba proprju fl-aħħar azzjoni tal-ħin miżjud mid-difensur Denzel Dumfries.
Min-naħa l-oħra, Spezia fetħu l-istaġun bl-aqwa mod possibbli meta f’konfront dirett għelbu lil Empoli bl-iskor ta’ 1-0
Il-coach Simone Inzaghi ma jistax jinkludi lill-aħħar akkwist tagħhom Henrikh Mkhitaryan għax jinsab imweġġa’ filwaqt li l-kontroparti tiegħu, Luca Gotti, għandu tliet players li qed isofru minn injury, Viktor Kovalenko, Kelvin Adou u Janis Antiste.
Napoli v Monza – Friski wara li rreġistraw l-akbar rebħa fl-ewwel ġurnata meta barra minn darhom għelbu lil Verona 5-2, Napoli jilqgħu lit-team promoss ta’ Monza li proprju għamel id-debutt fl-ogħla diviżjoni b’telfa ta’ 2-1 kontra Torino.
Anke jekk forsi l-Partenopei taw twissija li se jkunu minn fost l-isfidanti ewlenin, huma jridu jibqgħu konsistenti wara li fl-istaġun li għadda sfaxxaw lejn l-aħħar parti biex ċedew it-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat.
Iż-żewġ coaches rispettivi, Luciano Spalletti u Giovanni Stroppa, mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli minħabba li l-players jinsabu kollha għad-dispożizzjoni.