Fis-26 ġurnata tas-Serie A l-ewwel tliet timijiet, Milan, Inter u Napoli, għandhom logħbiet kontra timijiet ‘il isfel fil-klassifika għalkemm Inter se jilqgħu lil Sassuolo li donnhom ħadu l-qagħda u qed jagħtu logħba lil kulħadd meta jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika.
Inter v Sassuolo
Inter jittamaw li jerġgħu jirritornaw għar-rebħ meta jilagħbu f’darhom kontra Sassuolo. It-tim immexxi minn Simone Inzaghi ġej minn telfa kontra AC Milan u draw kontra Napoli u minkejja li għandu logħba inqas mill-avversarji tiegħu, ma jaffordjax joħroġ bla rebħa minn dan il-konfront.
Min-naħa tagħhom, Sassuolo jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika u jippruvaw inaqqru xi punt kontra l-avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom.
Inzaghi se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Alessandro Bastoni b’Joaquin Correa u Robin Gosens li jinsabu mweġġgħin.
Sassuolo għandhom lil Giacomo Raspadori u Gianluca Scamacca sospiżi filwaqt li Filip Djuricic huwa mweġġa’.
Salernitana v AC Milan
Milan huma favoriti li jkomplu bis-serje pożittiva tagħhom meta jilagħbu barra minn darhom kontra Salernitana. Dan hu dwell bejn tal-ewwel u tal-aħħar hekk kif i Rossoneri ħadu l-kmand tal-klassifika għalkemm b’logħba aktar mir-rivali Inter.
Salernitana s’issa kellhom kampjonat diffiċli ferm fejn minbarra li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, esperjenzaw nuqqas ta’ stabbilita’ li effettwat mhux ftit ir-riżultati tat-tim.
Milan għandhom lil Theo Hernandez sospiż filwaqt li Zlatan Ibrahimovic u Matteo Gabbia huma mweġġgħin.
Salernitana għandhom lil Mamadou Koulibaly u Andrea Schiavone indisposti.
Cagliari v Napoli
Napoli għandhom impenn pjuttost delikat meta imorru fil-gżira ta’ Sardenja sabiex jaffrontaw lil Cagliari. Dawn tal-aħħar għandhom bżonn il-punti hekk kif jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika u għalhekk se jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’darhom.
Napoli jinsabu b’moral għoli wara d-draw li kellhom kontra Inter sabiex b’hekk għadhom fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat.
Se jkun dwell ferm interessanti bejn żewġ skorers prolifiċi Joao Pedro għal Cagliari u Dries Mertens għal Napoli.
Il-Partenopei għandhom lil Stanislav Lobotka, Matteo Politano u Hirving Lozano li huma neqsin filwaqt li Cagliari għandhom numru ta’ players indisposti fosthom Kevin Strootman, Marko Rog, Matteo Lovato u Damir Ceter.