Meta tintlagħab it-33 ġurnata tas-Serie A, il-leaders Inter imorru għand Bologna f’dik li hija meqjusa bħala partita diffiċli filwaqt li Napoli, li jinsabu fit-tieni post bi tliet punti inqas, jilagħbu barra minn darhom kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika, Monza.
Bologna v Inter – Wara li nhar l-Erbgħa kkwalifikaw għas-semi-finali tal-UEFA Champions League wara li eliminaw lil Bayern Munich, issa Inter idawru l-attenzjoni tagħhom fil-Kampjonat Taljan hekk kif qed tistennihom partita diffiċli kontra team li qed jissielet biex jispiċċa mal-ewwel erba’ timijiet … Bologna.
In-Nerazzurri jinsabu konxji li ma jistgħux ifallu minħabba li jistgħu jintlaħqu minn Napoli.
Min-naħa tagħhom, Bologna ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Napoli u telfa ta’ 2-0 kontra Atalanta u għaldaqstant jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ biex jibqgħu fl-isfida għall-kwalifikazzjoni taċ-Champions League.
Monza v Napoli – Napoli imorru jilagħbu għand Monza li jinsabu qrib ir-relegazzjoni.
Il-moral tal-Partenopei jinsab għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Empoli.
Żewġ players li qed jispikkaw fit-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, huma l-Belġjan Romelu Lukaku u l-Iskoċċiż Scott McTominay.
Napoli jibdew favoriti li jirbħu din il-partita iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji minkejja li jidhru kemmxejn inferjuri.
Parma v Juventus – Juventus iridu jkomplu juru l-konsistenza taħt il-coach temporanju, Igor Tudor, li ħa post Thiago Motta wara sensiela ta’ riżultati negattivi.
Issa l-għan tagħhom huwa li jikkwalifikaw għall- aqwa kompetizzjoni Ewropea hekk kif jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika … żewġ punti aktar minn Bologna.
Min-naħa tagħhom, Parma jimmiraw għal rebħa minħabba li jinsabu biss erba’ punti miż-żona tar-relegazzjoni meta fadal sitt punti biex jintemm l-istaġun.
Milan v Atalanta – Atalanta, li jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, għandhom impenn diffiċli meta jaffrontaw lil Milan barra minn darhom.
Huma ma jistgħux jiżolqu minħabba li warajhom hemm Juventus u Bologna.
Fil-veritá, din hija partita miftuħa għal kull riżultat u l-iċken żball jista’ jkun detrimentali.
L-objettiv tar-Rossoneri huwa li jipprovaw jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League.