Fis-Serie A, il-leaders Inter komplew iżidu l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika meta marru għand Bologna u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
B’din ir-rebħa, issa huma jinsabu 18-il punt fuq l- eqreb rivali, Juventus, li għada se jkunu mpenjati f’darhom kontra Atalanta. Jekk il-Bianconeri jiġu megħluba, Inter ikunu jonqoshom 12-il punt għar-rebħ tat-titlu.
Il-goal ġie skorjat minn Yann Bisseck (37).
Sassuolo v Frosinone – F’partita min-naħa t’isfel tal-klassifika, Sassuolo għelbu lil Frosinone bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal importanti jasal minn Kristian Thorstvedt (58). Kaio Jorge (93) falla penalty għal Frosinone.
Cagliari v Salernitana – Cagliari għelbu lit-team tal-qiegħ Salernitana bl-iskor ta’ 4-2. L-iskorers kienu Gianluca Lapadula (12), Gianluca Gaetano (40) u Eldor Shomurodov (51, 76) filwaqt li Grigoris Kastanos (56) u Giulio Maggiore (58) wieġbu għat-telliefa.
Napoli v Torino – Fil-partita li ntlagħbet tard il-Ġimgħa filgħaxija, Napoli ġew miżmuma minn Torino bl-iskor ta’ 1-1. Kien Khvicha Kvaratskhelia (61) li fetaħ l-iskor għall-Partenopei iżda Antonio Sanabria (64) kiseb id-draw għall-Granata.