Saturday, March 14, 2026

Serie A: Inter jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa tintlagħab id-29 ġurnata tas-Serie A, il- leaders Inter jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif ġejjin minn telfa kontra r-rivali tal-istess belt Milan biex dawn tal-aħħar naqqsu d-distakk għal seba’ punti.

It-taqtiegħa għar-raba’ post qed tintensifika ruħha bejn erba’ timijiet. Dawn huma Como, Roma, Juventus u Atalanta … u f’konfront dirett Como jilqgħu lil Roma.

Inter vs Atalanta

Inter jittamaw li jirritornaw għar-rebħ meta f’darhom jaffaċċjaw lil Atalanta. It-tim ta’ Christian Chivu ġej minn telfa qarsa ta’ 1-0 fid-derby della Madonnina kontra AC Milan sabiex temmew round sħiħ mingħajr telfa.

Chivu jaf li lanqas din il-logħba li ġejja m’hi se tkun faċli hekk kif i Bergamaschi se jippruvaw jissieltu għar-raba’ post li jfisser parteċipazzjoni fil-UEFA Champions League. Huma jafu li ċerti żbalji difensivi ma jistgħux isiru kontra t-tim ta’ Raffaele Palladino li ġej lura wara perjodu mhux daqstant pożittiv. Wara l-konfront kontra Bayern Munich fil-UEFA Champions League, i Bergamaschi għandhom l-għan li joħolqu s-sorpriża u jagħtu t-tieni dispjaċir konsekuttiv lin-Nerazzurri.

Ederson, Charles De Ketelaere u El Bilal Toure huma neqsin għal Atalanta filwaqt li Valentin Carboni biss hu nieqes għal Inter.

Lazio vs AC Milan

Milan jinsabu fis-seba’ sema wara r-rebħa fid-derby della Madonnina kontra Inter bl-iskor ta’ 1-0. din ir-rebħa poġġiethom seba’ punti biss taħt l-istess Nerazzurri meta fadal 10 logħbiet għat-tmiem. It-tim ta’ Massimiliano Allegri spikka ferm fil-kollettiv fejn kien evidenti li qed isir progress. Luka Modric kien strumentali iżda iktar minn hekk, Parvis Estupinian li skorja l-gowl tar-rebħa.

L-avversarji tagħhom fi Stadio Olimpico huma Lazio li għadhom qed jimmiraw li għallinqas jagħmluha sal-UEFA Conference League għalkemm mhux se tkun biċċa xogħol faċli. It-tim mill-belt kapitali Taljana xejn ma kien konsistenti fil-logħob tiegħu u l-pożizzjoni f’nofs il-klassifika hi ġustifikata. Huma se jkunu qed jippruvaw joħolqu s-sorpriża kontra r-Rossoneri.

Lazio għandhom barra lil Nicolo Rovella u Samuel Gigot filwaqt li Milan ma jistgħux jużaw lil Filippo Terracciano, Santiago Gimenez, Matteo Gabbia u Ruben Loftus-Cheek.

Como vs Roma

Din hi logħba meqjusa bħala fundamentali għaż-żewġ timijiet li jridu jiksbu post fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej. Como għaddejjin minn forma maġika fil-kampjonat tant li jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika daqs l-istess Giallorossi b’51 punt. L-attakkanti Nico Paz u Anastasios Douvikas qed ikunu strumentali bil-gowls tagħhom u qed jixprunaw lit-tim ta’ Cesc Fabregas aktar ‘il fuq fil-klassifika. L-għan tagħhom issa hu li jżommu din il-pożizzjoni u jipparteċipaw għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom f’din l-akbar kompetizzjoni Ewropea.

Roma wkoll ġejjin f’tagħhom wara perjodu ta’ tlugħ u nżul u għandhom f’isimhom 16-il rebħa u tliet draws.

Como ma jistgħux jużaw lil Edoardo Goldaniga, Maximo Perrone, Alieu Fadera, Jayden Addai u Luca Mazzitelli. Mill-banda l-oħra, Roma għandhom barra lis-sospiż Wesley u lill-imweġġgħin Mario Hermoso, Paulo Dybala, Tommaso Baldanzi, Matias Soule u Artem Dovbyk

Napoli vs Lecce

iċ-champions Napoli jittamaw li jkomplu fit-triq tal-progress wara l-aħħar suċċessi riċenti hekk kif fi Stadio Diego Armando Maradona jiltaqgħu kontra Lecce. Dawn tal-aħħar għadhom qed jissieltu kontra ż-żona l-ħamra hekk kif jinsabu bi tliet punti bogħod minnha u għalhekk kull punt miksub jaf ikun deheb. Mhux se tkun faċli kontra t-tim ta’ Antonio Conte li ġej minn żewġ rebħiet identiċi ta’ 2-1 kontra Verona u Torino. Issa li reġgħu daħlu Romelu Lukaku u Kevin de Bruyne, l-affarijiet diġa’ qed jidhru aħjar wara li t-tim kien mifluġ b’numru ta’ plejers imweġġgħin.

B’hekk i Partenopei jidhru favoriti għat-tliet punti finali sabiex jibqgħu jsaħħu t-tielet post tal-klassifika li tfisser parteċipazzjoni oħra fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej.

Napoli se jkollhom jgħaddu mingħajr Antonio Vergara, Alessandro Zanoli, Stanislav Lobotka, Scott McTominay, Amir Rrahmani, Giovanni Di Lorenzo u David Neres.

Lecce se jkollhom barra lil Kialonda Gaspar u Medon Berisha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport