Saturday, February 21, 2026

Serie A: Inter u Juventus iridu jirriorganizzaw wara telfiet fiċ-Champions League

Aqra wkoll

Meta tintlagħab is-26 ġurnata tas-Serie A, l-attenzjoni se tkun mixħuta fuq Inter u Juventus biex wieħed jara r-reazzjoni tagħhom wara li f’nofs il-ġimgħa kellhom riżultati negattivi fil-UEFA Cham­pions League bil-possibbiltá wkoll li jistgħu jiġu eliminati.

Lecce v Inter – Il-leaders, Inter, imorru jilagħbu għand Lecce “feruti” wara li sfaw megħluba min-Norveġiżi, Bodo-Glimt, bl-iskor ta’ 3-1 fil-ewwel leg tal-play-off għall-Aħħar 16.

Għaldaqstant il-pressjoni se tkun kollha fuqhom għax filwaqt li rebħa hija mperattiva, huma ma jistgħux iserrħu l-players biex imbagħad nhar it-Tlieta jilqgħu lil Bodo-Glimt fit-tieni leg.

Fil-kampjonat, in-Nerazzurri ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Juventus li kienet karaterizzata minn kontroversja li ċaqal­qet is-sisien tal-football Tal­jan.

Filwaqt li Lecce se jkunu mingħajr Lameck Banda, Inter ma jistgħux jinkludu lil Kristijan Asllani u Denzel Dumfries minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Juventus v Como – U ladarba qed tissemma’ l-kontroversja, Juventus kienu l-vittmi meta d-di­fensur, Pierre Kalulu, tkeċċa għat-tieni karta safra għal foul “ivvintat” li kkommetta fuq Alessandro Bastoni, bil-player Interista jqarraq għal kollox bir-referee meta aċċentwa l-waqgħa.

Il-Bianconeri għandhom partita mill-aktar diffiċli meta jospitaw lil Como li huma t-team rivelazzjoni ta’ dan l-istaġun.

Bħalissa, il-moral tal-Juventini huwa wieħed baxx hekk kif ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 5-2 kontra Gala­tasaray tat-Turkija fil-UEFA Champions League.

Għalkemm kollox hu­wa possibbli, Juventus għandhom muntanja kbira qud­diemhom x’jissuperaw.

Għaldaqstant, huma jri­du jixħtu l-attenzjoni fuq il-kampjonat u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Juventus għandhom lil Pierre Kalulu sospiż filwaqt li  Daniele Rugani, K. Thuram-Ulien, Arkadiusz Milik u Dusan Vlahovic huma mweġġgħin.

Milan v Parma – Wara li temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Como, Milan jilqgħu lil Parma fejn jibdew bħala favoriti li jiksbu t-tliet punti u jkomplu jixħtu l-pres­sjoni fuq Inter hekk kif dawn tal-aħħar qed igawdu vantaġġ ta’ seba’ punti.

Iżda huma konxji mill-fatt li ma jistgħux ifallu minħabba li jridu jagħmlu l-ħajja tar-rivali tal-istess belt aktar diffiċli.

Ir-Rossoneri għandhom bosta players neqsin għax imweġġgħin fost­hom, Milan ma jistgħux jinkludu lil Tommaso Pobega, Alvaro Morata, Adrien Rabiot, Santiago Gimenez u Alexis Saelemaekers.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport