F’dan tmiem il-ġimgħa tintlagħab l-10 ġurnata tas-Serie A, bit-timijiet ta’ Milan, li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet, jisirqu x-xena meta għandhom partiti ferm delikati hekk kif il-leaders Inter jospitaw lil Roma filwaqt li Milan imorru jilagħbu għand Napoli.
Min-naħa ta’ Juventus, li jinsabu fit-tielet pożizzjoni, jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta f’darhom jaffrontaw lil Verona.
Inter v Roma – Inter se jilagħbu kontra Roma li huma mmexxija mill-eks coach, José Mourinho, li fl-2010 mexxihom għar-rebħ tat-Treble.
Iżda jekk ir-rispett huwa wieħed reċiproku, għada se jkunu rivali ta’ xulxin.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa, Inter kontra Torino (3-0) u Roma kontra Monza (1-0).
Rebħa hija imperattiva għaż-żewġ timijiet – Inter biex iżommu l-quċċata tal-klassifika u Roma biex jidħlu fiż-żona tal-UEFA Champions League.
Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr Juan Cuadrado u Marko Arnautovic filwaqt li Roma ma jistgħux jinkludu lil Paulo Dybala, Lorenzo Pellegrini, Chris Smalling u Tammy Abraham minħabba li kollha jinsabu mweġġgħin.
Napoli v Milan – Dan huwa wieħed mill-konfronti prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa bejn żewġ timijiet b’forma kuntrastuża.
Filwaqt li Napoli jidhru li ġejjin f’tagħhom wara bidu kemmxejn negattiv, Milan bħal donnhom deħlin fi kriżi.
Dan minħabba li filwaqt li huma ġew umiljati bl-iskor ta’ 3-0 minn Paris St-Germain fil-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, huma ġejjin ukoll minn telfa f’darhom ta’ 1-0 kontra Juventus fil- kampjonat domestiku.
Għaldaqstant, huma jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw għal din il-partita tant importanti.
Rebħa għall-Partenopei tpoġġihom punt taħt l-istess Rossoneri li għandhom bosta players neqsin, fosthom Samuel Chukwueze, Marco Sportiello, Ruben Loftus Cheek, Mattia Caldara u Ismael Bennacer.
Min-naħa tagħhom, Napoli ma jistgħux jinkludu lil Andre Anguissa, Juan Jesus u Victor Osimhen … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Juventus v Verona – Juventus jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jospitaw lil Verona li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika bit-theddida tar-relegazzjoni.
Bla dubju, ir-rebħa barra minn darhom kontra Milan, tat impetus ġdid lill-Bianconeri fejn l-isfida għall-ewwel erba’ postijiet issa saret waħda reali.
Teżisti possibbiltá li huma jistgħu jaqbżu fil-quċċata tal-klassifika jekk huma jirbħu u Inter u Milan jitilfu.
Peró huma għandhom neqsin lill-imweġġgħin Danilo, Alex Sandro u Mattia de Sciglio.