Meta tintlagħab il-25 ġurnata tas-Serie A, il-partita bejn Inter u Juventus tispikka fuq kollox f’dik li hija magħrufa bħala d-’Derby tal-Italja’ minħabba r-rivalitá li teżisti bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Inter v Juventus – Inter jilqgħu lil Juventus f’konfront klassiku hekk kif iż-żewġ timijiet qed ikollhom staġun kuntrastanti.
Filwaqt li n-Nerazzurri għaddejjin minn forma brillanti bil-konsegwenza li qed igawdu tmien punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika u għandhom 12-il punt vantaġġ fuq l-istess Juventus, b’dawn tal-aħħar qed ikunu inkonsistenti fil-logħob tagħhom.
Wara l-eliminazzjoni mill-Coppa Italia, fit-telfa ta’ 3-0 kontra Atalanta, issa Juventus iridu jikkonċentraw li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa biex ikunu eliġibbli li jikkwalifikaw għaċ-Champions League.
Din se tkun it-93 partita bejn dawn iż-żewġ timijiet fil-kampjonat, bir-rekord ixaqleb lejn Inter, b’37 rebħa kontra l-25 ta’ Juventus filwaqt li t-30 logħbiet l-oħra intemmu fi draws.
Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr Kristjan Asllani, Hakan Calhanoglu, Nicolo Barella u Denzel Dumfries filwaqt li Juventus għandhom barra lil Daniele Rugani, Arkadiusz Milik u Dusan Vlahovic.
Como v Fiorentina – It-team rivelazzjoni ta’ dan l-istaġun, Como, jilqa’ lil dak ta’ Fiorentina.
Taħt it-tmexxija tal-coach, Cesc Fabregas, Como qed jagħmlu l-għeġubijiet, bl-aħħar waħda tkun li għaddew għas-semi-finali tal-Coppa Italia billi eliminaw lil Napoli permezz talgħoti tal-penalties.
Rebħa fuq il-Viola tkun tfisser li Como jibqgħu biċ-ċans biex jisfidaw li jtemmu mal-ewwel erbgħa u għaldaqstant jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti.
Napoli v Roma – Napoli jospitaw lil Roma biż-żewġ timijiet ma jaffordjawx li joħorġu telliefa minħabba li jaqtgħu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq u possibbilment jibdew jinqatgħu miż-żona Champions League.
Dan huwa konfront bilanċjat li jista’ jmur kull naħa minkejja li Napoli jkunu qed jilagħbu f’darhom … u l-iċken żball jista’ jkun determinanti.
Huma ġejjin minn rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Genoa, li iżda, ma kinitx daqstant konvinċenti.
Min-naħa tagħhom, Roma ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Cagliari, b’doppjetta ta’ Donyell Malen.
Napoli għandhom lista twila ta’ players li qed jirkupraw minn injury – Juan Jesus, Pasquale Mazzocchi, Matteo Politano, Alessandro Zanoli, Giovanni Di Lorenzo, Michael Folorunsho, David Neres, Andre Zambo Anguissa, Billy Gilmour u Kevin De Bruyne.

