Saturday, December 28, 2024

Serie A: It-timijiet ta’ fuq m’għandhomx ifallu

Aqra wkoll

Meta f’dan tmiem il-ġimgħa, tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Kampjonat Taljan, it-timijiet il-kbar jib­dew favoriti li jiksbu t-tliet punti iżda fil-football kollox jista’ jseħħ meta is- sorpriżi ma jonqsux.  

Napoli v Sassuolo – Iċ- champions Napoli jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu lil Sas­suolo, fi Stadio Diego Armando Maradona.

Il-Partenopei kellhom  bi­du brillanti għall-istaġun meta b’wirja eċċezzjonali, barra minn darhom, huma għelbu lil Frosinone bl-iskor ta’ 3-1 biex komplew jikkonfermaw il-qawwa tal- attakk tagħhom. 

Sassuolo sofrew telfa ta’ 2-0 kontra Atalanta fejn l-attakk tagħhom deher ineżistenti filwaqt li d-difiża kkommettiet bosta żbalji.  

F’dan il-konfront, huma jridu joqogħdu attenti li ma jirrepetux l-istess żbalji minħabba li n-Naplitanti għandhom elementi tajbin biżżejjed biex jikkastigaw ma l-iċken spazju li jsibu. 

Napoli għandhom nieqes lil Kvicha Kvaratshkelia li mistenni jidħol f’Settembru  minħabba uġigħ muskolari. 

Min-naħa ta’ Sassuolo, dawn  ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Ruan u lill-imweġġa’ Agustin Alvarez

Milan v Torino – Milan jibdew bħala favoriti li jakkwistaw it-tieni rebħa staġ­jonali meta jilqgħu lil Torino fi Stadio Giuseppe Meazza. 

Ir-Rossoneri bdew l-is­taġun bl-aqwa mod possibbli wara li rebħu 2-0 barra minn darhom għand Bologna. 

Christian Pulisic spikka fost kulħadd u minbarra li skorja t-tieni goal huwa bena l-kostruzzjoni tat-team hekk kif jidher li se jkun akkwist ferm importanti.

Min-naħa tagħhom, Torino setgħu jispiċċaw biss fi draw ta’ 0-0 kontra Cagliari f’logħba li huma naqsu milli jiskorjaw. 

Żgur li l-coach, Ivan Juric, irid jara aktar ideat fl-attakk f’logħba li kellhom jir­­b­ħu iżda kellhom jikkuntentaw b’punt wieħed biss. 

Milan se jkollhom jgħaddu mingħajr Ismael Bennacer filwaqt li Torino ma jistgħux jinkludu lil Koffee Djidji minħabba li qed jirkupra minn injury. 

Juventus v Bologna – Juventus jimmiraw li jirreġistraw it-tieni rebħa minn daqstant logħbiet meta jiffaċċjaw lil Bologna fl-Al­lianz Stadium. 

It-team immexxi mill-coach, Massimiliano Allegri, kiseb rebħa tajba ta’ 3-0 għand Udinese sabiex bdew l-istaġun fuq nota mill-aktar pożittiva. 

Fuq kollox, il-partitarji Juventini sa fl-aħħar raw dik il-grinta tipika tat-team  fejn Andrea Cambiaso u Timothy Weah spikkaw fuq kulħadd.

Bologna kellhom iċedu għall-qawwa ta’ AC Milan meta tilfu f’darhom bl-iskor ta’ 2-0. 

Huma jinsabu konxji li din mhux se tkun partita faċli u mistennija jinżlu b’tattika difensiva u jope­raw bil-kontrattakki biex iżommu l-pressjoni offensiva tal-Juventini.  

Il-Bianconeri għadhom mingħajr Moise Kean u Mattia de Sciglio,  b’Musa Barrow u Adama Soua­moro ikunu neqsin għal Bologna, minħabba li jinsabu mweġġgħin. 

Cagliari v Inter – Barra minn darhom Inter għandhom konfront delikat kontra Cagliari. 

It-team immexxi mill-coach,  Simone Inzaghi, ġej minn rebħa prezzjuża ta’ 2-0 kontra Monza f’logħba li huma kkontrollaw min­għajr problemi … iżda naqsu li jsarrfu d-dominanza tagħhom f’aktar goals.  

Min-naħa ta’ Cagliari, dawn ġejjin minn draw ta’ 0-0 kontra Torino biex il-punt miksub jista’ jiswa mitqlu deheb hekk kif fl-istaġun li għadda salvaw mir-relegazzjoni proprju fl-aħħar ġurnata. 

Din se tkun logħba speċjali għall-coach ta’ Cagliari, Claudio Ranieri, li se jkun qed jaffronta lill-eks team tiegħu li kien imexxi fl-istaġun 2011/12.

It-team minn Sardinja se jkollu jgħaddi min­għajr is-servizzi ta’ Gianluca Lapadula, Marco Mancuso u Marko Rog minħabba li jinsabu mweġġgħin. 

Inter m’għandhom l-ebda problema ta’ formazzjoni u għaldaqstant Inzaghi jista’ jutilizza l-aqwa elementi possibbli. 

Ekonomija

Sport