Meta tintlagħab il-15-il ġurnata tas-Serie A, l-erba’ timijiet ta’ fuq, li huma fiż-żona tal-UEFA Champions League, għandhom jirbħu l-konfronti tagħhom minkejja li l-football huwa imprevidibbli għall-aħħar.
Dawn huma l-ko-leaders, Milan u Napoli, u t-timijiet ta’ warajhom Inter u Roma.
Milan v Sassuolo – Milan jilqgħu lil Sassuolo hekk kif ġejjin minn rebħa inkredibbli ta’ 3-2 għand Torino, f’partita li kienu qed jitilfu 2-1.
Ir-Rossoneri jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li jinsabu fit-tmien post u rebħa tpoġġihom f’pożizzjoni li jibdew jisfidaw għal post f’kompetizzjoni Ewropea.
Milan għandhom neqsin lill-coach, Massimiliano Allegri, li flimkien ma’ Santiago Gimenez huma sospiżi. Min-naħa l-oħra, Rafael Leao, Santiago Gimenez, Youssouf Fofana u Zachary Athekame huma mweġġgħin.
Udinese v Napoli – Napoli jmorru jilagħbu għand Udinese li jinsabu fil-11-il post tal-klassifika.
Il-Partenopei ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Juventus fejn spikka Rasmus Hojlund li skorja ż-żewġ goals tagħhom.
Iżda mil-lat negattiv, nhar l-Erbgħa, huma sfaw megħluba minn Benfica bl-iskor ta’ 2-0 fil-fażi tal-kampjonat tal-UEFA Champions League.
Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ lista ta’ players minħabba li qed jirkupraw minn injury. Dawn huma Jesper Lindstroem, Romelu Lukaku, Miguel Gutierrez, Stanislav Lobotka, Billy Gilmour, Zambo Anguissa, Alex Meret u Kevin De Bruyne.
Genoa v Inter – Inter imorru jilagħbu għand Genoa fejn jimmiraw li jiksbu t-tliet punti biex iżommu l-pass maż-żewġ timijiet ta’ fuqhom.
Huma ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 fuq Como iżda ġejjin ukoll minn telfa f’darhom kontra Liverpool bl-iskor ta’ 1-0, fil-fażi tal-kampjonat fil-UEFA Champions League.
Min-naħa tagħhom, Genoa jimmiraw li joħorġu bit-tliet punti minħabba li jinsabu erba’ punti biss bogħod mir-relegazzjoni.
Inter ma jistgħux jinkludu lil Matteo Darmian, Denzel Dumfries, Raffaele Di Gennaro u Tomas Palacios.
Bologna v Juventus – Juventus imorru għand Bologna, f’dik li hija meqjusa bħala partita mill-aktar diffiċli.
Huma jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa għand Napoli biex jibqgħu jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuqhom.
Il-Bianconeri għandhom neqsin lil Juventus għandhom neqsin lil Gleison Bremer, Daniele Rugani, Dusan Vlahovic, Federico Gatti, Carlo Pinsoglio u Arkadiusz Milik, minħabba li jinsabu mweġġgħin.

