Monday, December 23, 2024

Serie A: Jispikka d-derby bejn Juventus u Torino

Aqra wkoll

Illum u għada tkompli tintlagħab it-tmien ġurnata tal-Kampjonat Taljan, bl-aktar partita li tispikka tkun dik bejn Juventus u Torino, jew aħjar id-Derby Delle Mole. 

Min-naħa l-oħra, il-leaders Inter jibdew favoriti li jirbħu t-tliet punti kontra Bologna filwaqt li Milan jiffaċċjaw lil Genoa, li hija meq­jusa partita mhux daqstant diffiċli. 

Juventus v Torino – Dan huwa d-79 derby li Juventus se jilagħbu f’darhom kontra Torino li fihom huma rebħu 41 filwaqt li l-Granata ħarġu rebbieħa 16-il darba. 

Bħalissa d-differenza talpożizzjonijiet fil-klassifika hija dik ta’ sitta hekk kif Juventus jinsabu fir-raba’ post filwaqt li Torino jinsab fl-10 wieħed. 

Minkejja li t-team immexxi minn Massimiliano Allegri jibda bħala favorit, f’din it-tip ta’ logħba wieħed jistenna kull riżultat minħabba li l-avversarji tagħhom jinżlu b’determinazzjoni kbira minħabba r-rivalitá li teżisti bejniet­hom. 

Juventus se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġħin, Arka­diusz Milik, Federico Chiesa, Dusan Vlahovic, Alex Sandro u Mattia de Sciglio, filwaqt li Torino għandhom lil  Mihai Popa u Kof Djidji neqsin għall-istess raġuni. 

Inter v Bologna – Din hija s-77 darba li Inter qed jilqgħu f’darhom lil Bologna fil-kampjonat li minnhom rebħu 43 filwaqt li Bologna rreċiprokaw bi 12-il rebħa.

Matul il-ġimgħa Inter kienu mpenjati fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Benfica, valida mill-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League. Minkejja din ir-rebħa huma fallew patafjun ta’ ċansijiet ta’ skor u għaldaqstant iridu jindirizzaw dan in-nuqqas biex iserrħu rashom aktar kmieni waqt il-logħob tagħ­hom. 

Filwaqt li n-Nerazzuri jinsabu jaqsmu l-ewwel post ma’ Milan, huwa se jaffrontaw lit-team li jinsabu fit-tmien post tal-klassifika.

Davide Frattesi, Marko Arnautovic u Stefano Sensi, għadhom barra mill-azzjoni għal Inter minħabba li qed jirkupraw minn injury. 

Genoa v Milan – Milan imorru jilagħbu għand Genoa f’dik li hija meqjusa bħala konfront delikat.

It-team mir-reġjun tal- Ligurja s’issa mhux qed ikollu kampjonat daqshekk ħażin meta wieħed iqis li għadu kif ġie promoss u għaldaqstant il-pressjoni tinsab kollha fuq ir-Rosso­neri. 

Jidher li dawn tal-aħħar irkupraw sewwa mill-umiljazzjoni ta’ 5-1 kontra Inter hekk kif ġejjin minn tliet rebħiet – Verona (1-0), Cagliari (3-1) u Lazio (2-0). Peró jridu jżommu l-konsistenza.  

Huma ma jistgħux jinkludu lil Rade Krunic, Ruben Loftus Cheek, Mattia Caldara, Pierre Kalulu u Ismael Bennacer. 

Napoli v Fiorentina – Iċ-champions, Napoli, jilq­għu lil Fiorentina f’liema partita ma jistgħux ifallu biex jibqgħu jżommu l-kuntatt mal-leaders meta għandhom distakk ta’ erba’ punti.

Ekonomija

Sport