Friday, December 27, 2024

Serie A: Jispikkaw id-derbies “tal-Italja” u ta’ Ruma

Aqra wkoll

Juventus v Inter

Din hi logħba li Juventus iridu jirbħu akkost ta’ kollox jekk iridu jibqgħu man-naħa ta’ fuq tal-klassifika u eventwalment jimmiraw għar-raba’ post li tfisser parteċipazzjoni fil-UEFA Champions League tas-sena d-dieħla.

L-avversarji tagħhom huma Inter li huma ferm motivati u ġejjin f’tagħhom wara serje ta’ riżultati diżappuntanti.

Juventus għandhom żvantaġġ minħabba li hemm diversi plejers imweġġgħin hekk kif Samuel Iling, Manuel Locatelli, Weston McKennie, Leandro Paredes, Dusan Vlahovic, Bremer, Angel di Maria, Mattia De Sciglio, Marley Ake, Paul Pogba u Federico Chiesa mhux se jkunu disponibbli għall-kowċ Massimiliano Allegri li se jkollu jirrikorri għall-plejers żgħażagħ.

Inter ma jistgħux jinkludu lil Romelu Lukaku, Danilo d’Ambrosio u Marcelo Brozovic.

Roma v Lazio

Dan li hu mlaqqam bħala d-derby tal-kapitali qed ilaqqa’ kontra xulxin żewġ timijiet li punt biss qed jifridhom.

Roma jinsabu fir-raba’ post b’25 punt filwaqt li Lazio għandhom punt inqas minnhom. Mistennija partita bilanċjata fejn ir-riżultat jista’ jiġi fuq naħa jew oħra.

Se jkun hemm dwell interessanti bejn żewġ skorers prolifiċi Ciro Immobile ta’ Lazio u Paulo Dybala ta’ Roma.

Il-kowċ tal-Giallorossi Jose Mourinho għandu lil Georginio Wijnaldum imweġġa’ filwaqt li Maurizio Sarri ta’ Lazio għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

Atalanta v Napoli

Din hi waħda mill-partiti l-aktar mistennija tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Napoli fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Atalanta u bħalissa għaddejjin minn mument verament maġiku fejn rebħu għaxar logħbiet u ġew dro tnejn filwaqt li għadhom bla telfa.

Min-naħa tagħhom, Atalanta setgħu ġabu aktar punti sabiex kienu jnaqqsu d-distakk minn mal-avversarji Partenopei.

Se jkun hemm dwell bejn żewġ skorers prolifiċi Ademola Lookman ta’ Atalanta u Kvira
Kvaratskhelia ta’ Napoli.

Luciano Spalletti ta’ Napoli m’għandux problema ta’ formazzjoni filwaqt li Giampiero Gasperini ta’ Atalanta ma jistax jinkludi lil Marten De Roon u Davide Zappacosta.

Ekonomija

Sport