Fil-kampjonat Taljan, Juventus irreġistraw it-tieni rebħa nfila meta għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 1-0.
Il-Bianconeri fetħu l-iskor fit-34 minuta minn daqqa ta’ ras ta’ Adrien Rabiot li l-goalkeeper, Pietro, Terracciano laqa’ minn ġewwa minħabba li goal-line technology indikat li l-ballun kien qabeż il-linja fatali.
Fl-aħħar minuta, Fiorentina kisbu d-draw iżda l-goal ma ġiex konvalidat minħabba li Luca Ranieri kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Udinese v Sassuolo – Udinese u Sassuolo temmew fi draw ta’ 2-2, b’Udinese dejjem ikunu fil-vantaġġ permezz ta’ Iyenoma Udogie (1) u Jaka Bijol (28) filwaqt li Sassuolo rkupraw fiż-żewġ okkażjonijiet minn Matheus Henrique (6) u auto-goal ta’ Nehuen Perez (45).
Bologna v Monza – Monza komplew jissorprendu fl-ewwel avventura tagħhom fl-ogħla diviżjoni Taljana fl-istorja tal-club meta marru għand Bologna u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 biex telgħu fl-għaxar post tal-klassifika.
Il-goal importanti wasal minn Giulio Donati (25).
Lazio v Atalanta – Fil-partita li ntlagħbet tard is-Sibt, Lazio sfaw megħluba f’darhom minn Atalanta 2-0 biex dawn tal-aħħar laħqu lil Roma u lil Milan fit-tielet post tal-klassifika.
Il-goals waslu wieħed f’kull taqsima. Kien Davide Zappacosta (23) li fetaħ l-iskor meta dawwar il-ballun għal ġox-xibka mill-pass ta’ Ademola Lookman.
Fil-65 minuta, Rasmus Hojlund irdoppja wara li l-goalkeeper, Ivan Provedel, naqas li jżomm ix-xutt ta’ Lookman.