Meta tintlagħab it-tielet ġurnata tal-kampjonat Taljan qabel il-waqfa internazzjonali, l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa hija bejn Juventus u Roma hekk kif Milan imorru għand Lazio filwaqt li ċ-champions Inter, ilbieraħ għelbu lil Atalanta.
Juventus v Roma – Juventus jimmiraw li jkomplu bis-sensiela pozittiva meta huma l-uniku team li għandu punti massimi, meta f’darhom jilagħbu kontra Roma.
Il-Bianconeri jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara żewġ rebħiet identiċi ta’ 3-0 kontra Como u Verona.
Minbarra dawn ir-riżultati pożittivi, Juventus għandhom ukoll bosta players żgħażagħ li qed jimpressjonaw fosthom Nicolo Savona, Samuel Mbangula u Kenan Yildiz.
Roma kisbu punt wieħed biss minn żewġ partiti fejn wara draw ta’ 0-0 kontra Cagliari, waslet telfa f’darhom mhux mistennija kontra Empoli bl-iskor ta’ 2-1.
Juventus għandhom neqsin lil Arkadiusz Milik, Timothy Weah, Khephrem Thuram, Vasilije Adzic u Fabio Miretti li qed jirkupraw minn injury.
Lazio v Milan – Il-logħba bejn Lazio u AC Milan hi waħda klassika għalkemm ġiet xi ftit kmieni matul dan l-istaġun.
Lazio kisbu tliet punti minn żewġ logħbiet fejn wara s-suċċess ta’ 3-1 kontra Venezia, waslet telfa diżappuntanti ta’ 2-1 kontra Udinese.
Milan ġejjin ukoll minn telfa diżappuntanti ta’ 2-1 kontra Parma bil-coach, Paulo Fonseca, diġá jinsab taħt il-mikroskopju.
Ir-Rossoneri kisbu biss punt minn żewġ partiti wara d-draw inizjali ta’ 2-2 kontra Torino fl-ewwel ġurnata.
Milan għandhom neqsin lil Alvaro Morata u Marco Sportiello filwaqt li Lazio ma jistgħux jinkludu lil Marco Gila għax kollha jinsabu mweġġgħin.
Napoli v Parma – Napoli jilqgħu f’darhom lil Parma fi Stadio Diego Armando Maradona. It-team immexxi minn Antonio Conte ġej minn rebħa ta’ 3-0 kontra Bologna u sa ċertu punt pattew għat-telfa inizjali ta’ 3-0 kontra Verona.
Kienet ġimgħa pożittiva għall-Partenopei li kienet tinkludi wkoll l-akkwist taż-żewġ players Romelu Lukaku (Chelsea) u Scott McTominay (Manchester United).
Bħalissa Parma għandhom erba’ punti minn żewġ partiti u għaldaqstant Napoli jridu juru rispett lejn dan it-team modest.
Napoli għandhom il- players kollha għad-dispożizzjoni filwaqt li Gabriel Charpentier u Adrian Benedyzck huma neqsin għal Parma.