Tuesday, December 24, 2024

Serie A: Juventus megħluba iżda jolqtu tliet darbiet il-lasti

Aqra wkoll

Roma laħqu lil Milan fir-raba’ post tal-klassifika meta għelbu lil Juventus li min-naħa tagħhom kienu sfortunati hekk kif ġew imċaħħda tliet darbiet mil-lasta. 

Kien minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima li Juventus resqu ferm viċin li jmorru fil-vantaġġ iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Adrien Rabiot ġie salvata bi tbatija mill-goalkeeper, Rui Patricio, megħjun mil-lasta. 

Madankollu, fit-53 minuta, Roma fetħu l-iskor meta Gianluca Mancini venven xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka. 

Disa’ minuta wara, Juventus resqu viċin li jiksbu d-draw iżda l-freekick ta’ Juan Cuadrado ħabat mal-lasta. 

Fil-81 minuta, il-Bianconeri reġgħu ġew imċaħħda mil-lasta meta fit-tentattiv li jikklerja, Mancini laqat il-ballun ħażin u bl-impressjoni li kien se jikkommetti auto-goal, il-ballun ħabat mal-lasta u spiċċa f’corner. 

Minuta mit-tmiem kien hemm aktar drama meta s-sostitut ta’ Juventus, Moise Keane, dam biss 44 sekondi fil-ground meta ntwera l-karta l-ħamra wara li ta daqqa ta’ sieq lil Mancini. 

Fl-aħħar azzjoni tal-partita, Patricio kien providenzjali meta laqa’ parzjalment ix-xutt mill-viċin ta’ Danilo u l-istess goalkeeper evita goal ċert meta mblokka r-rebound tal-player ta’ Juventus. 

Ekonomija

Sport