Fil-quċċata tas-Serie A, kollox baqa’ kif kien hekk kif Juventus u Inter temmew fi draw ta’ 1-1.
Dan ifisser li n-Nerazzurri baqgħu b’żewġ punti vantaġġ fuq l-istess Juventus.
Kienu l-Bianconeri li fetħu l-iskor, fis-27 minuta, meta Dusan Vlahovic, seraq ballun f’nofs il-ground lil Denzel Dumfries u għaddieh lil Federico Chiesa li ġera mal-lemin u l-cross tiegħu sa lill-istess attakkant Serb li kien pront xeħet fix-xibka.
Iżda sitt minuti wara, Inter kisbu d-draw meta minn kontrattakk veloċi, Marcus Thuram ħarab fuq il-faxxa laterali, xeħet cross insidjuż fejn Lautaro Martinez antiċipa lil Federico Gatti u b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka għeleb lill-goalkeeper Wojciech Szczesny.
B’dan id-draw, iż-żewġ timijiet waqqgħu żewġ punti biex Milan u Napoli resqu aktar lejhom wara li għelbu lil Fiorentina (1-0) u lil Atalanta (2-1) rispettivament.