Meta tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-ewwel round tas-Serie A, l-aktar partita attraenti hija dik bejn Inter u Napoli, li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet postijiet rispettivament.
Min-naħa tagħhom, Milan, li jinsabu fit-tieni post jittamaw għal riżultat ta’ draw hekk kif huma jivvjaġġaw lejn Firenze biex jilagħbu kontra Fiorentina.
Inter v Napoli – Din hija l-aqwa partita ta’ dan il-programm bejn żewġ ġganti tal-football Taljan.
Bħalissa, Inter huma l-aktar team fil-forma meta ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi filwaqt li Napoli ġejjin minn draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Verona li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar meta fallew żewġ punti mill-aktar importanti.
Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom jekk iridu jibqgħu f’kuntatt man-Nerazzurri minħabba li d-distakk huwa dak ta’ erba’ punti u rebħa għal Inter tkun tfisser li l-vantaġġ jikber għal sebgħa.
Napoli għandhom rekord ħazin kull darba li ltaqgħu kontra Inter, f’San Siro, hekk kif minn 79 partita huma rebħu biss 9 filwaqt li t-team ospitu ħareġ rebbieħ 51 darba.
Fiorentina v Milan – Milan jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jkunu barra minn darhom kontra Fiorentina.
Huma jridu jinsew id- dizappunt tad-draw ta’ 1-1 f’darhom kontra Genoa, bil-winger Rafael Leao, isalva r-riżultat fil-ħin miżjud qabel ma’ Nicolae Stanciu falla penalty għal Genoa fis-96 minuta.
Għaldaqstant rebħa hija prijoritá għar-Rossoneri.
Min-naħa tagħhom, Fiorentina, li jinsabu fiż-żona l-ħamra, ġejjin minn draw ta’ 2-2 għand Lazio fejn issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar żewġ ħarġiet.
Juventus v Cremonese – Juventus, li qed jaqsmu r-raba’ post ma’ Roma, jilqgħu lil Cremonese li jinsbu fit-13-il post u għaldaqstant m’għandhomx ifallu r-rebħa biex jibqgħu fl-isfida li jtemmu fl-ewwel erba’ postijiet.
Il-Bianconeri, issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar sitt partiti meta l-aħħar waħda kienet dik kontra Napoli (2-1) fis-7 ta’ Diċembru li għadda.
Roma v Sassuolo – Roma josptiaw lil Sassuolo fejn jimmiraw li jżommu l-pass biex itemmu fl-ewwel erba’ postijiet iżda jridu jżommu l-konsistenza meta mill-aħħar sitt partiti huma rreġistraw tliet rebħiet iżda sofrew tliet telfiet … fi kronoloġija ta’ telfa u rebħa.
Jekk se jibqgħu jżommu din is-sensiela, allura issa jmisshom telfa!
Huma jridu joqogħdu attenti għax Sassuolo għandhom tendenza li jagħmluha ta’ giant-killers.



