Meta tintlagħab is-27 ġurnata tas-Serie A, il-leaders Inter idawru l-attenzjoni tagħhom fuq ir-rebħ tal-Iscudetto wara d-disfatta tal-eliminazzjoni mill-UEFA Champions League.
Inter v Genoa – Inter jospitaw lil Genoa fejn iridu jinsew id-diżappunt tat-telfa ta’ 2-1 kontra t-team Norveġiż ta’ Bodo-Glimt għal aggregate ta’ 5-2 biex dawn tal-aħħar avvanzaw għall-Aħħar 16 tal-kompetizzjoni Ewropea.
B’din l-eliminazzjoni, in -Nerazzuri tilfu €80 miljun.
Fil-kampjonat, huma jinsabu xxamplati fil-quċċata meta qed igawdu vantaġġ ta’ 10 punti.
Iżda għal din il-partita, huma ma jistgħux jinkludu lil Hakan Calhanoglu, Nicolo Barella, Lautaro Martinez u Denzel Dumfries minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Roma v Juventus – Roma jospitaw lil Juventus liema konfront huwa l-aqwa wieħed ta’ dan il-programm.
Bħalissa Juventus jinsabu erba’ punti ‘l bogħod miż-żona tal-UEFA Champions League liema pożizzjoni hija okkupata minn Roma u Juventus.
Wara d-diżappunt tal- eliminazzjoni mill-UEFA Champions League, bl-aggregate ta’ 7-5 kontra Galatasaray tat-Turkija, Juventus ma jistgħux jaffordjaw li jfallu milli jispiċċaw mal-ewwel erbgħa u post fl-aqwa kompetizzjoni Ewropea.
Barra minn hekk, hemm il-biżgħa li huma għadhom trawmatizzati u għajjenin fiżikament u mentalment minħabba li kellhom jilagħbu bi player inqas, għal 75 minuta wara li tkeċċa Lloyd Kelly, minħabba li l-partita kontra Galatasaray ġiet deċiża fil-ħin barrani.
Peró, wieħed irid jgħid ukoll li huma sfaw eliminati b’mod denju.
Min-naħa tagħhom, Roma jinsabu friski u se jkollhom il-vantaġġ li jkunu qed jilagħbu quddiem il- partitarji tagħhom stess.
Rebħa għall-Giallorossi tkun tfisser li jiftħu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Juventus.
Dan se jkun it-92 konfront fi Stadio Olimpico bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif Juventus għandhom rekord tajjeb meta rebħu 27, tilfu 33, bil-31 partiti l-oħra jintemmu fi draws.
Cremonese v Milan – Milan imorru għand Cremonese fejn jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ, meta kontra kull mistenni, fl-aħħar ħarġa tagħhom, huma sfaw megħluba f’darhom minn Parma bl-iskor ta’ 1-0 biex prattikament ċedew it-titlu lir-rivali eterni, Inter … għalkemm fil-football jista’ jseħħ kollox.
Rebħa hija imperattiva għar-Rossoneri minħabba li jistgħu jintlaħqu minn Roma u Napoli, bid-differenza ta’ punti hija dik ta’ erba’ punti biss.

