Sunday, November 24, 2024

Serie A: Konfronti bejn it-timijiet ta’ Milan u ta’ Turin

Aqra wkoll

Meta jirritorna s-Serie A wara l-impenji tat-team nazzjonali fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, tintlagħab id-disa’ ġurnata bil-konfront l-aktar li jispikka huwa dak bejn Milan u Juventus filwaqt li Inter imorru fil-belt ta’ Turin biex jaffrontaw lil Torino.  

Milan v Juventus – Il- leaders Milan jilqgħu lil Juventus, f’dik li hija meqjusa bħala l-aqwa partita ta’    tmiem il-ġimgħa. 

Filwaqt li l-Milanisti jimmiraw għal rebħa biex jibqgħu fil-quċċata, telfa għal Juventus tkun tfisser li jiddistakkaw lilhom infus­hom b’seba’ punti mill-is­tess Rossoneri.  Iżda rebħa tpoġġihom biss punt taħt­hom. 

Dan se jkun it-89 konfront bejn iż-żewġ timijiet f’San Siro fejn Milan rebħu  30 filwaqt li Juventus rebħu 24. 

Wara Paul Pogba, din il-ġimgħa l-Bianconeri ħadu l-aħbar ħażina li Nicoló Fagioli ġie sospiż għal seba’ xhur wara li ammetta li lagħab imħatri llegali. 

Huma se jkollhom neqsin ukoll lil Danilo, Federico Chiesa, Dusan Vlahovic, Alex Sandro u Mattia de Sciglio minħabba li qed jirkupraw minn injury. 

Min-naħa l-oħra Milan ma jistgħux jinkludu lil Mike Maignan u Theo Hernandez li huma sospiżi filwaqt li Rade Krunic, Ruben Loftus Cheek, Mattia Caldara u Ismael Bennacer għadhom imweġġgħin.

Torino v Inter – Inter jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ hekk kif ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Bologna wara li fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals biex fallew żewġ punti mill-aktar importanti bil-konsegewenza li ċedew l-ewwel post lir-rivali tal-istess belt, Milan. 

Min-naħa l-oħra, il-Granata għandhom bżonn il- punti biex ma jinqabdux fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni. 

Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal- imweġġa’ Marko Arnautovic filwaqt li Torino ma jistgħux jinkludu lil Brandon Soppy, Alex Buongiorno u Koffi Djidji.

Verona v Napoli – Napoli jittamaw li jiksbu l-ħames rebħa staġjonali meta jmorru fir-reġjun tal-Veneto biex jaffrontaw lil Verona.

It-team immexxi mill-coach, Rudi Garcia, ġej minn telfa f’daru xejn mistennija ta’ 3-1 kontra Fiorentina biex kibret il-pressjoni li jista’ jitkeċċa hekk kif bosta mill-players ma jriduhx fit-tmexxija. 

Min-naħa ta’ Verona, dawn jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika bi tmien punti minn daqstant logħbiet. 

Huma ġejjin minn telfa diżappuntanti kontra Frosinone u se jippruvaw jieħdu vantaġġ li se jilagħbu f’dar­­hom u eventwalment joħol­qu xi tip ta’ sorpriża.

Verona għandhom nieqsa lil Isak Hien, Pawel Da­widowich, Juan Cabal, Josh Doig u Jayden Braaf filwaqt li Napoli ma jistgħux jużaw lil Victor Osimhen, Andre Anguissa, Juan Jesus, Amir Rrahmani u Pierluigi Gollini … minħabba li huma kollha mweġġgħin. 

Sport