F’din is-27 ġurnata tas-Serie A, bla dubju, l-aktar partita interessanti hija dik kruċjali bejn Napoli u Inter li qed jokkupaw l-ewwel żewġ postijiet bin-Nerazzurri qed igawdu vantaġġ ta’ punt fuq il-Partenopei.
Napoli v Inter – L-attenzjoni tad-dilettanti tal-football se tkun immirata fi Stadio Diego Armando Maradona hekk kif Napoli jilqgħu lil Inter.
Dan huwa konfront li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet.
Il-pressjoni tinsab kollha fuq in-Naplitani minħabba li jekk Inter jirnexxielhom joħorġu rebbieħa, jiftħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq l-istess Partenopei.
Napoli jridu jirritornaw għar-rebħ wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda, kontra kull mistenni, huma sfaw megħluba minn Como bl-iskor ta’ 2-1 filwaqt li Inter kellhom jitħabtu biex għelbu lil Genoa bl-iskor ta’ 1-0.
Din se tkun il-158 partita bejn iż-żewġ timijiet fejn fil-157 preċedenti, il-bilanċ jaqleb lejn Inter b’70 rebħa filwaqt Napoli rebħu 47, bl-40 l-oħra jintemmu fi draws.
Napoli ma jistgħux jinkludu lil Pasquale Mazzocchi u David Neres filwaqt li Inter għandhom barra lill- goalkeeper Yann Sommer, flimkien ma’ Marcus Thuram, Carlos Augusto, Filip Stankovic, Raffaele di Gennaro, Valentin Carboni u Martin Satriano … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Milan v Lazio – Wara li tard il-Ħamis filgħaxija Milan sfaw megħluba minn Bologna bl-iskor ta’ 2-1, għada jilqgħu lil Lazio f’partita mill-aktar delikata.
Kien Rafael Leao (43) li fetaħ l-iskor għal Milan iżda Santiago Castro (48) u Dan Ndoye (82) dawru r-riżultat favur Bologna.
Il-coach, Sergio Conceicao, jinsab taħt pressjoni kbira għall-fatt li jekk ir- Rossoneri ma jikkwalifikawx għall-UEFA Champions League, huwa jitkeċċa mill- kariga tiegħu.
Min-naħa ta’ Lazio, dawn ġejjin minn draw ta’ 0-0 kontra Venezia u għaldaqstant iridu jpattu għal dan id-diżappunt.
Huma għandhom neqsin lil Gaetano Castrovilli, Patric, Mattias Vecino, Valentin Castellanos u Elseid Hysay filwaqt li Milan għandhom barra lil Yacine Adli, Emerson Royal, Ruben Loftus Cheek u Alessandro Florenzi.
Juventus v Verona – Juventus, li matul din il-ġimgħa, sfaw eliminati u umiljati mill-Coppa Italia minn Empoli, jospitaw lil Verona li jinsabu ħames punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Il-Bianconeri għandhom lista ta’ players neqsin – Nicolo Savona, Douglas Luiz, Andrea Cambiasso, Facundo Gonzalez, Arkadiusz Milik, Juan Cabal u Gleison Bremer.