Saturday, March 7, 2026

Serie A: L-attenzjoni f’San Siro bejn Milan u Inter

Aqra wkoll

Wara li lbieraħ Napoli laqgħu lil Torino fit-tard, bejn illum u għada tkompli tintlagħab it-28 ġurnata tas-Serie A, bl-aqwa partita tkun id-Derby Della Madonnina bejn ir-rivali eterni Milan u Inter li tista’ tiddermina fejn sejjer l-Iscudetto. 

Juventus, li jinsabu barra ż-żona tal-UEFA Cham­pions League, jibdew favoriti meta jilqgħu lil Pisa filwaqt li Roma u Como, li jinsabu qabilhom, imorru jilagħbu għand Genoa u Cagliari rispettivament.

Milan vs Inter

Dan id-derby jista’ kważi jagħti verdett lejn ir-rebħ tal-kampjonat b’Inter li jidhru favoriti li jirbħu kontra AC Milan. It-tim ta’ Christian Chivu, iljun ferut wara li sfaw eliminati mill-UEFA Champions League kontra Bodo Glimt, jinsab fil-quċċata tal-klassifika tas-serie A b’vantaġġ ta’ għaxar punti fuq l-istess AC Milan. B’hekk b’rebħa i Nerazzurri jkunu kważi champions għal dan l-istaġun 2025/26.

L-avversarji tagħhom AC Milan naqqsu xi ftit ir-ritmu f’dan it-tieni parti tal-istaġun bi draw u telfiet mhux mistennija. Huma xorta se jippruvaw iħassru l-festi lil Inter u jevitaw li jingħalaq il-kapitlu tal-kampjonat.

Inter ma jistgħux jużaw lil Alessandro Bastoni u Lautaro Martinez filwaqt li għal Milan mhux se jkunu disponibbli Santiago Gimenez, Davide Bartesaghi, Matteo Gabbia u Ruben Loftus-Cheek.

Juventus vs Pisa

Juventus huma favoriti li jiksbu t-tliet punti mill-konfront li għandhom f’darhom kontra Pisa fl-Allianz Stadium. It-tim ta’ Luciano Spalletti iddiżappunta ferm fir-riżultati tiegħu fejn issa fadlilhom biss li jippruvaw jidħlu lura fil-UEFA Champions League wara l-eliminazzjoni mill-edizzjoni ta’ din is-sena apparti dik fil-Coppa Italia. Fl-istess waqt huma ġejjin minn draw spettakolari ta’ 3-3 kontra Roma.

Min-naħa tagħhom, Pisa jinsabu involuti sew fiż-żona tar-relegazzjoni hekk kif qed jaqsmu l-aħħar post tal-klassifika flimkien ma’ Verona bi 15-il punt u jidhru destinati lejn is-serie B.

Manuel Locatelli, Nico Gonzalez u Arkadiusz Milik huma barra għal Juventus filwaqt li Simone Scuffet, Isak Vural, Emanuel Vignato u Mateus Lusuardi se jkunu neqsin għal Pisa.

Genoa vs Roma

Roma jridu jżommu l-konċentrazzjoni sal-aħħar minuti u jevitaw milli jitilfu moħħhom bħalma ġara fl-aħħar logħba kontra Juventus fejn kienu biss ftit sekondi mir-rebħa. Minkejja kollox, il-gowl ta’ Federico Gatti ċaħħadhom mir-rebħa hekk kif l-iskor finali kien dak ta’ 3-3. Fi tmiem din il-ġimgħa huma se jmorru fir-reġjun tal-Liguria sabiex jiltaqgħu kontra Genoa fi Stadio Luigi Ferraris.

It-tim ta’ Giampiero Gasperini jinsab fir-raba’ post u d-destin jinsab kollu f’idejhom jekk fl-istaġun li ġej jilagħbux jew le fil-UEFA Champions League.

Genoa jinsabu kważi salvi mir-relegazzjoni għalkemm iridu l-punti biex iserrħu ftit iktar rashom. Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra l-liders Inter. Huma jiddependu fuq il-gowls ta’ Lorenzo Colombo li skorja sitt gowls staġjonali s’issa.

Il-kowċ Gasperini, li se jkun qed imexxi lil Roma kontra l-eks tim tiegħu, għandu barra lil Anass Salah-Eddine, Marash Kumbulla, Matias Soule u Artem Dovbyk filwaqt li l-kollega tiegħu Daniele de Rossi għandu barra lil Brooke Norton-Cuffy u Sebastian Otoa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport