Inter ħadu skoss qawwi meta marru fil-belt kapitali u sfaw megħluba minn Lazio bl-iskor ta’ 3-1 biex dawn tal-aħħar telgħu waħedhom f’ras il-klassifika.
Kienu ż-żewġ sostituti Luis Alberto u Pedro li għarrqu lil Inter meta niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Lazio fetħu l-iskor fl-40 minuta minn daqqa ta’ ras ta’ Felipe Anderson minn azzjoni ta’ freekick. Iżda fil-51 minuta, Lautaro Martinez kiseb id-draw għal Inter wara li rċieva mingħand Denzel Dumfries.
Imbagħad fil-75 minuta, Lazio reġgħu marru fil-vantaġġ b’xutt ta’ Luis Alberto minn barra l-kaxxa.
Erba’ minuti mit-tmiem Pedro ssiġilla r-rebħa għat-team immexxi mill-coach Maurizio Sarri b’xutt imdawwar li spiċċa fir-rokna tax-xibka.