Fil-Kampjonat Taljan, Lazio telgħu fit-tielet post tal-klassifika meta marru għand Atalanta u kontra kull mistenni għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 biex il-Bergamaschi sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun.
Iż-żewġ goals waslu wieħed f’kull taqsima minn Mattia Zaccagni (10) u Felipe Anderson (52).
Fil-ħin miżjud Atalanta kellhom lil Luis Muriel imkeċċi wara li ntwera t-tieni karta safra.
Udinese v Torino – Torino saħħew posthom f’nofs il-klassifika meta barra minn darhom għelbu lil Udinese bl-iskor ta’ 2-1 biex dawn tal-aħħar iddiżappuntaw bil-kbir hekk kif inqalgħu miż-żona tal-UEFA Champions League.
Il-goals tal-Granata waslu minn Ola Aina (14) u Pietro Pellegri (69) filwaqt li Gerard Deulofeu (26) kiseb id-draw momentarju għall-Friulani.
Bologna v Lecce – Bologna nqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Lecce li baqgħu fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Iż-żewġ goals waslu fl- ewwel taqsima minn Marko Arnautovic (13 pen) u Lewis Ferguson (34).