Fil-Kampjonat Taljan, Lazio ospitaw lil Torino u ġew sorpriżi bl-iskor ta’ 1-0 biex ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu bl-isfida tagħhom biex itemmu mal-ewwel erbgħa.
Huma jistgħu wkoll jitilfu t-tieni post jekk illum Juventus jirbħu lil Napoli wara li ngħataw lura l-15-il punt li tteħdulhom f’Jannar li għadda minħabba rregolaritajiet finanzjarji.
L-uniku goal tal-partita wasal, fit-43 minuta, permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Ivan Ilic.
Salernitana v Sassuolo – Salernitana ospitaw lil Sassuolo u rreġistraw rebħa komda ta’ 3-0.
Kif jindika r-riżultat, Salernitana ddominaw dan il-konfront bil-goals tagħhom jaslu minn Lorenzo Pirola (9), Boulaye Dia (20) u Lassana Coulibaly (65).
Verona v Bologna– Verona għelbu lil Bologna bl-iskor ta’ 2-1 biex kisbu tliet punti importanti fit-taqtiegħa tagħhom għas-salvazzjoni.
Il-goals waslu minn doppjetta ta’ Simone Verdi (45 pen, 62) filwaqt li Nicolas Dominguez (92) wieġeb għal Bologna.