Sunday, November 24, 2024

Serie A: Milan fil-quċċata bi tmiem mill-aktar drammatiku kontra Genoa

Aqra wkoll

Milan marru għand Genoa u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 biex telgħu waħedhom fil-quċċata tas-Serie A wara li f’darhom Inter sfaw miżmuma minn Bologna bl-iskor ta’ 2-2. 

Kollox kien qed jindika dan il-konfront kien se jintemm fi draw iżda mis-87 minuta seħħew xeni drammatiċi li kkaratterizzaw din il-partita.

Milan fetħu l-iskor meta Pulisic ikkontrolla cross ta’ Musah b’dahru lejn il-lasta, u venven xutt bid-dawra minn 12-il metru. 

Peró dan il-goal ġie kkonvalidat mill-VAR għal possibbiltá ta’ handball bil-konsegwenza li din id-deċiżjoni rrabjat ħafna lill-kamp ta’ Genoa. 

Il-VAR kien ukoll protagonista meta l-goalkeeper ta’ Milan, Mike Maignan, ħareġ mill-kaxxa tiegħu biex jikklerja l-ballun bir-ras iżda ġara li bi rkopptejh ħabat ma’ sider l-avversarju, Caleb Ekuban, bir-referee jurih il-karta l-ħamra wara verifika mal-VAR. 

Bis-sostituzzjonijiet kollha jiġu effettwati, Olivier Giroud bejn il-lasti fil-post tiegħu … biex jiffaċċja free kick ta’ Albert Gudmundsson.

Dan l-istess freekick ġie mxellef minn Fikayo Tomori għal fuq il-mimduda, imbagħad l-istess Tomor biegħed il-periklu billi xeħet f’corner bir-ras. 

U bil-partita kienet riesqa lejn it-tmiem, il-goalkeeper ta’ Genoa Martinez, ħalla postu u tela’ biex jgħin lil sħabu fil-corner. Iżda huwa ġie ammonit għat-tieni karta safra wara li kkommetta foul fuq Yunus Musah. Peró, fil-post tiegħu daħal is-sostitut goalkeeper, Nicola Leali, minħabba li ma kienux effettwaw is-sostituzzjonijiet kollha. 

Fl-aħħar sekondi tal-partita, kien proprju Giroud l-protagonista tar-Rossoneri meta għamel save doppju fuq George Puscas minn taħt il-last biex evita goal ċert. 

Mat-tisfira finali sħabu kollha ġrew lejn l-attakkant veteran … li, fil-pożizzjoni ta’ goalkeeper, għen lit-team jirbħu t-tliet punti. 

Sport