Saturday, January 31, 2026

Serie A: Napoli biss se jilagħbu f’darhom mit-timijiet ta’ fuq

Aqra wkoll

Meta llum tkompli tintlagħab it-23 ġurnata tas-Serie A, Napoli biss se jkunu qed jilagħbu f’darhom mit-timijiet ta’ fuq.

Inter, Milan u Roma se jkollhom partiti delikati li jistgħu jagħtu ċ-ċans lil Napoli biex japprofittaw ħalli  jnaqqsu d-distakk min- Nerazzurri li qed jillidjaw il-klassifika.

Cremonese v Inter – Inter jivvjaġġaw lejn il-Lombar­dia biex jaffrontaw lil Cremonese.

Minkejja li huma jibdew favoriti, Cremonese jinżlu għal dan il-konfront motivati konxji mill-fatt li għandhom bżonn il-punti biex jitbegħdu aktar miż-żona tar-relegazzjoni u għaldaqstant mistennija joffru sfida denja lill-Inte­risti li peró ġejjin minn disa’ rebħiet mill-aħħar 10 ħarġiet.

Napoli v Fiorentina – Napoli jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jilqgħu lil Fiorentina li jinsabu t-tielet mill-aħħar u għalhekk jinsabu fiż-żona l-ħamra.

Il-Partenopei jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa diżappuntanti ta’ 3-0 għand Juventus fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Barra minn hekk, it-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, irid jinsa l-elimi­nazzjoni mill-UEFA Champions League u jiffoka fuq il-kampjonat domestiku min­ħabba li jistgħu jfallu milli jtemmu mal-ewwel erb­għa.

Bħalissa mhumiex għaddejjin minn forma tajba minħabba li minn massimu ta’ 15-il punt, huma kisbu biss sitt punti … rebħa u   tliet draws.

Min-naħa tal-Viola, hija prioritá għalilhom li jo­ħorġu rebbieħa fit-tentattiv li jkomplu bil-pjani tagħ­hom għas-salvazzjoni. 

Udinese v Roma – Il-pressjoni tinsab kollha fuq Roma hekk kif imorru jilagħbu għand Udinese li jinsabu xxamplati f’nofs il- klassifika u ‘l bogħod minn kull periklu tar-relegazzjoni.

Iżda Roma jinżlu għal dan il-konfront motivati konxji mill-fatt li jinsabu għaddejjin minn sensiela pożittiva hekk kif fl-aħħar erba’ ħarġiet huma rreġistraw 10 punti.

Bologna v Milan – Milan għandhom partitia diffiċli meta jmorru jilagħbu għand Bologna li jinsabu fit-tmien post tal-klassifika  u b’ċans tajjeb li jikkwalifika għall-UEFA Conference League.

Ta’ min jinnota li Milan ilhom ma jitilfu sa mill-ew­wel ġurnata tal-istaġun meta dak in-nhar sfaw megħluba f’darhom minn Cremonese bl-iskor ta’ 2-1.

Peró, huma jinsabu ħa­mes punti taħt il-leaders Inter u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom jekk iridu jibqgħu jżommu l-kuntatt mar-rivali eterni tal-istess belt … għax fl-is­tess waqt jistgħu inaqqsu l-vantaġġ ma’ ta’ warajhom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport