Napoli saħħew il-quċċata tal-klassifika tas-Serie A meta marru għand Atalanta u dawru telfa f’rebħa bl-iskor ta’ 2-1 biex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti.
Il-goals waslu minn Victor Osimhen (23) u Eljif Elmas (35) wara li Ademola Lookman (19 pen) fetaħ l-iskor għall-Bergamaschi.
Milan v Spezia – Milan iddominaw għal kollox il-konfront kontra Spezia iżda rebħu biss 2-1 bil-goal tar-rebħa jasal minn Olivier Giroud fid-90 minuta fejn dan l-attakkant Franċiż tkeċċa għax neħħa l-flokk waqt iċ-ċelebrazzjoni tiegħu hekk kif nesa li kien fuq karta safra.
Ir-Rossoneri laqtu l-lasta darbtejn minn Rafael Leao u Rade Krunic u kellhom goal ta’ Sandro Tonali mħassar … minbarra l-bosta saves li wettaq il-goalkeeper ta’ Speza Bartlomiej Dragowski. Kien Theo Hernandez (21) li fetaħ l-iskor iżda Daniel Maldini (59), it-tifel ta’ Paolo Maldini, kiseb id-draw momentarju għal Spezia biex skorja kontra l-club tiegħu hekk kif jinsab b’self.
Salernitana v Cremonese – Salernitana u Cremonese spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Krzysztof Piatek (3) u Lassana Coulibaly (38) skorjaw għal Salernitana filwaqt li David Okereke (12) u Daniel Ciofani (89) wieġbu għal Cremonese b’dan tal-aħħar ifalli penalty fit-92 minuta.
Empoli v Sassuolo – Empoli għelbu lil Sassuolo bl-skor ta’ 1-0 bl-uniku goal jasal minn Tommaso Baldanzi (64).