Kien tmiem drammatiku f’Turin, hekk kif Napoli għelbu lil Juventus 1-0, f’logħba li fiha dawn tal-aħħar kellhom żewġ goals annullati qabel ma Napoli ħatfu r-rebħa permezz ta’ volley ta’ Giacomo Raspadori fl-94 minuta.
B’din ir-rebħa issa l-Partenopei jinsabu ħames punti bogħod milli jsiru champions wara 33 sena.
Il-Bianconeri kellhom ġimgħa kwieta, ikkwalifikaw għas-semi-finali tal-Europa League u sabu li l-appell tagħhom kontra l-penalita’ ta’ 15-il punt tas-Serie A kien milqugħ parzjalment, u wassal għal prova oħra.
Minnufih huma daħlu fit-tielet post wara Lazio, iżda l-attenzjoni kienet ukoll fuq it-tieni leg tas-semi-finali tal-Coppa Italia ta’ għada filgħaxija kontra Inter f’San Siro.