Sunday, December 22, 2024

Serie A: Napoli jfittxu li jikkonsolidaw posthom fil-quċċata

Aqra wkoll

Roma v Napoli

Napoli lesti li jkomplu għaddejjin bit-triq tar-rebħ meta jilagħbu fi Stadio Olimpico kontra Roma. It-tim immexxi minn Luciano Spalletti kiseb 26 punt minn 10 logħbiet filwaqt li għadu mingħajr telfa fil-kampjonat.

Roma min-naħa tagħhom qed ikollhom it-tlugħ u l-inżul tagħhom s’issa fejn wara xi wirjiet ferm tajbin, qed ikollhom logħbiet ferm diżappuntanti. Madankollu huma se jipprova jagħmlu li jistgħu sabiex jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’darhom.

Roma se jkollhom neqsin lil Paulo Dybala, Zeki Celik, Georgino Wijnaldum u Ebrima Darboe.

Napoli ma jistgħux jinkludu lil Amir Rrahmani li jinsab imweġġa’.

AC Milan v Monza

Iċ-champions AC Milan jilagħbu d-Derby tat-Tramuntana tal-Italja kontra Monza f’partita li r-Rossoneri huma ferm favoriti li jiksbu t-tliet punti minnha. Din se tkun ukoll logħba speċjali għall-president ta’ Monza Silvio Berlusconi kif ukoll id-diriġent Adriano Galliani li t-tnejn li huma kienu parti mill-ogħla awtoritajiet ta’ Milan sa ftit tas-snin ilu.

Monza sejrin tajjeb wara l-ħatra ta’ Raffaele Palladino bħala kowċ b’Milan li jridu joqogħdu attenti minn dan it-tim li għalkemm inqas ikkwotat minnu kapaċi joħloq sorpriżi bħal meta rebaħ lil Juventus.

Milan, li jinsabu tliet punti taħt il-liders Napoli, se jkollhom nieqes lil Simon Kjaer, Davide Calabria, Alexis Saelemakers, Mike Maignan, Alessandro Florenzi u Zlatan Ibrahimovic.

Monza ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Nicolo Rovella u lill-imweġġgħin Luca Marrone u Andrea Ranocchia.

Fiorentina v Inter

Inter jippruvaw iżommu l-konsistenza tagħhom wara bidu xejn feliċi meta jmorru f’Firenze sabiex jaffrontaw lil Fiorentina. It-tim immexxi minn Simone Inzaghi donnu irpilja mill-partiti diżappuntanti li kellu fejn tilfu diversi punti u kienu niżlu xi ftit fil-klassifika. 

L-avversarji tagħhom huma Fiorentina, tim li jrid il-punti sabiex ikompli jitla’ dejjem aktar ‘il fuq fil-klassifika.

Fuq kollox, il-kowċ Inzaghi jittama li Lautaro Martinez u Edin Dzeko jkomplu jsibu l-gowls sabiex ikomplu jersqu viċin il-quċċata. Hu se jkollu t-tim għad-dispożizzjoni tiegħu inkluż l-attakkant Romelu Lukaku li beda jirkupra wara l-injury li kellu. 

Fiorentina ma jistgħux jinkludu lil Ricardo Sottil u Gaetano Castrovilli.

Atalanta v Lazio

It-tim li jinsab fit-tieni post Atalanta jilqa’ f’daru lil Lazio. It-tim immexxi minn Giampiero Gasperini s’issa kiseb 24 punt minn 10 partiti u jinsabu żewġ punti bogħod mil-liders Napoli.

Huma għadhom ukoll bla telfa hekk kif qed ikollhom staġun eċċezzjonali.

Lazio jinsabu tliet punti bogħod minn Atalanta u b’rebħa jilħquhom fil-klassifika tas-Serie A.

Atalanta għandhom lil Davide Zappacosta, Rafael Toloi, Juan Musso u Duvan Zapata neqsin filwaqt li Lazio għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tal-kowċ Maurizio Sarri.

Ekonomija

Sport