Meta llum jingħata bidu għat-38 u l-aħħar ġurnata tas Serie A, Napoli jinsabu rebħa ‘l bogħod milli jirbħu r-raba’ Scudetto fl-istorja tal-club.
Proprju llum se jintlagħbu l-aktar żewġ partiti importanti meta Napoli jospitaw lil Cagliari filwaqt li Inter, li jinsabu punt warajhom, imorru jilagħbu għand Como.
Napoli v Cagliari – Napoli huma konxji li rebħa tkun tfisser ir-rebħ tal-kampjonat u għaldaqstant mistennija l-akbar attendenza fi Stadio Diego Armando Maradona ta’ dan l-istaġun.
Wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ħelsuha ħafif meta ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Parma filwaqt li Inter ukoll spiċċaw fi draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Lazio, illum il- Partenopei ma jistgħux ifallu.
Il-poplu Naplitan jinsab lest għaċ-ċelebrazzjonijiet biex jiffesteġġa dan l-akbar unur tal-football Taljan.
Huma se jilagħbu kontra team li jinsab fin-naħa t’isfel tal-klassifika iżda aċċerta mis-salvazzjoni u għaldaqstant m’għandhom l-ebda pressjoni fuqhom.
Anke jekk it-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, jibda favorit li jirbaħ dan il-konfront, il-Partenopei jridu juru rispett massimu lejn dan it-team minn Sardinja.
Huma se jkunu mingħajr it-tliet players, Stanislav Lobotka, Alessandro Buongiorno u Juan Jesus, li qed jirkupraw minn injury.
Como v Inter – Inter li qed jiġru wara żewġ unuri, imorru jilagħbu għand Como li jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika.
Filwaqt li n-Nerazzurri jippruvaw jiddefendu t-titlu Taljan, huma jkollhom f’moħħhom il-finali tal-UEFA Champions League meta fl-aħħar ta’ dan ix-xahar jaffrontaw lil Paris St-Germain.
Minkejja li kollox huwa possibbli, fil-veritá hija diffiċli biex Inter jirbħu l- kampjonat minħabba li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom filwaqt li Napoli jridu jfallu.
Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, it-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, kien biss sekondi ‘l bogħod milli jaqbeż waħdu fil- quċċata tal-klassifika meta fl-94 minuta ħasbu li rebħu l-partita fuq Lazio (3-2) iżda l-goal ta’ Marko Arnautovic ġie mħassar għal senjalazzjoni ta’ offside.
Venezia v Juventus – B’Napoli, Inter u Atalanta aċċertati minn post fil-UEFA Champions League, Juventus huma l-favoriti li jgħaqqdu l-kwadru meta jmorru jilagħbu għand Venezia.
Iż-żewġ timijiet ta’ warajhom, Roma u Lazio, jittamaw li l-Bianconeri jiżolqu.
Roma, li jinsabu punt wara Juventus, imorru jilagħbu għand Torino. Min-naħa tagħhom Lazio, li jinsabu żewġ punti wara l-Bianconeri jilqgħu lil Lecce.
Juventus għandhom bosta players neqsin – Pierre Kalulu huwa sospiż filwaqt li Bremer, Juan Cabal, Weston McKennie u Teun Koopmeiners qed jirkupraw minn injury.