Meta bdiet tintlagħab l-10 ġurnata tas-Serie A, Napoli komplew isaħħu l-quċċata tal-klassifika meta barra minn darhom għelbu lil Milan bl-iskor ta’ 2-0.
B’hekk il-Partenopei fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq l-eqreb rivali Inter li lagħbu partita inqas.
Iż-żewġ goals waslu minn Romelu Lukaku (5) u Khvicha Kvaratskhelia (43). Alvaro Morata (47) ta’ Milan kellu goal imħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside.
Cagliari v Bologna – Bologna marru għand Cagliari u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, bl-iskorers ikunu Riccardo Orsolini (35) u Jens Odgaard (51).
Lecce v Verona – Lecce rritornaw għar-rebħ meta, f’darhom għelbu lil Verona bl-iskor ta’ 1-0.
L-uniku goal wasal minn Patrick Dorgu (51) hekk kif Verona kellhom lil Jackson Tchatchoua (40) u lil Reda Belahyane (83) imkeċċija.