Hekk kif tintlagħab it-22 ġurnata tas-Serie A, l-aktar konfront li se jiġbed attenzjoni huwa dak kolossali bejn il-leaders Napoli u Juventus li jinsabu fil-ħames post.
Min-naħa ta’ Inter, li jinsabu fit-tieni post, jibdew favoriti meta jmorru għand Lecce li jinsabu post fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Fil-veritá, din hija partita mill-aktar delikata għall- Partenopei iżda jinżlu b’moral għoli hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għadda kisbu rebħa mill-aktar importanti bl-iskor ta’ 3-2 għand Atalanta.
Barra minn hekk, huma straħu matul il-ġimgħa minħabba li ma kienux impenjati fil-kompetizzjoni Ewropej.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Juventus meta marru l-Belġju u spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Club Brugge liema partita kienet valida mill-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League.
Din se tkun id-79 darba li Napoli se jospitaw lil Juventus bir-rekord ikun ta’ 28 rebħa għall-Partenopei, 23 rebħa għal Juventus bit-23 partiti l-oħra jispiċċaw fi draws. Interessanti wkoll li Napoli skorjaw 101 goals filwaqt li Juventus skorjaw 90.
It-team ospitu ma jistax jinkludi lil Alessandro Buongiorno filwaqt li Juventus għandhom barra lil Arkadiusz Milik, Juan Cabal u Gleison Bremer, għax imweġġgħin.
Lecce v Inter – Iċ-champions Inter imorru fin-naħa t’isfel tal-Italja biex jaffrontaw lil Lecce.
It-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, jinsab tliet punti taħt Napoli iżda lagħbu partita inqas.
In-Nerazzurri jittamaw minn xi żelqa ta’ Napoli filwaqt li jimmiraw li jegħlbu lil Lecce.
Min-naħa tagħhom, Lecce jinsabu fil-bżonn tal-punti hekk kif qegħdin punt wieħed biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Inter għandhom lista ta’ players imweġġgħin li tinkludi lil Eddie Salcedo , Hakan Calhanoglu, Yann Aurel Bisseck, Joaquin Correa, Raffaele Di Gennaro , Zinho Vanheusden, Valentin Carboni u Martin Satriano
Milan v Parma – Milan jilqgħu lil Parma hekk kif il-pressjoni tinsab fuqhom biex jirbħu dan il-konfront u jidħlu fiż-żona tal-UEFA Europa League.
Taħt il-coach il-ġdid, Sergio Conceicao, huma jridu jkomplu jibnu fuq is-suċċess tas-Super Cup Taljana iżda r-Rossoneri huma neqsin mill-konsistenza.
Barra minn hekk għandhom lista twila ta’ players li qed jirkupraw minn injury. Dawn huma Alvaro Morata, Christian Pulisic, Noah Okafor, Malick Thiaw, Ruben Loftus Cheek, Samuel Chukwueze u Alessandro Florenzi.