Saturday, September 20, 2025

Serie A: Napoli u Juventus m’għandhomx ifallu

Aqra wkoll

Meta tintlagħab ir-raba’ ġurnata tas-Serie A, iż-żewġ timijiet li qed jaqsmu l-quċċata tal-klassifika, Napoli u Juventus, m’għandhomx ifallu hekk kif filwaqt li l-Partenopei jospitaw lil Pisa, il-Bianconeri jmorru jilagħbu għand Verona 

Napoli v Pisa – Iċ-cham­pions Taljani, Napoli, ikunu fl-azzjoni nhar it- Tnejn li ġej wara li nhar il-Ħamis sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0, fl-Etihad, kontra Manchester City fil-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League.

Huma jilqgħu lil Pisa li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika flimkien ma’ Parma u Lecce b’punt wieħed biss.

Napoli ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 għand Fiorentina u jimmiraw li jkomplu b’din il-kontinwitá ta’ rebħ.

Huma ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Am­ri Rrahmani u Romelu Lu­kaku.

Verona v Juventus – Bħal Napoli, Juventus għandhom rekord massimu ta’ punti minn tliet partiti u għaldaqstant jinżlu b’moral għoli.

Ir-rebħa ta’ 4-3 kontra r-rivali Inter, imliethom bi stimolu psikoloġiku u għaldaqstant jinżlu għal dan il-konfront b’mentalitá rebbieħa.

Anke jekk fost il-ġimgħa huma sfaw miżmuma minn Borussia Dortmund f’dar­­­hom bl-iskor ta’ 4-4 fiċ-Champions League, dan ir-riżultat m’għandux ifixkel lill-Bianconeri milli jagħmlu l-kompitu tagħ­hom b’suċċess għand Verona.

Il-coach, Igor Tudor, se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Andrea Cambiaso u l-imweġġgħin Fabio Miretti u Chico Conceicao.

Inter v Sassuolo – Inter iridu jinsew id-diżappunt tat-telfa ta’ 4-3 kontra Juventus meta jilqgħu lil Sassuolo. Minn tliet partiti huma sfaw megħluba darb­tejn bit-telfa l-oħra tkun dik ta’ 2-1 kontra Udinese.

Għaldaqstant huma jin­sabu taħt pressjoni biex jiksbu t-tliet punti … u akkost ta’ kollox ma jistgħux iwaqqgħu l-punti. 

Ir-rebħa ta’ 2-0 kontra Ajax, fiċ-Champions Lea­­gue, għandha tkun l- injez­zjoni f’waqtha biex in-Nerazzurri jirritornaw għall-forma solita tagħhom.

Udinese v Milan – Milan imorru fir-reġjun ta’ Friuli biex jilagħbu kontra Udinese f’dik li hija meqjusa bħala waħda diffiċli.

Ir-Rossoneri ġejjin minn rebħa minima ta’ 1-0 fuq Bologna  u jridu jkomplu jibnu fuqha hekk kif huma diġá sofrew telfa, dik ta’ 2-1 kontra Cremonese.

Huma se jilagħbu kontra team li minn tliet partiti kiseb żewġ rebħiet u draw biex qed jaqsam it-tieni post flimkien ma’ Cremonese.

Milan għandhom barra lis-sospiż Santiago Gime­nez u lill-imweġġgħin Mike Maignan u Rafael Leao.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport