Saturday, October 25, 2025

Serie A: Napoli v Inter fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Fis-Serie A, tintlagħab it-tmien ġurnata bl-aktar partita importanti tkun dik bejn Napoli u Inter fejn teżisti possibbiltá li jistgħu jgawdu Roma hekk kif dawn it-tliet timijiet jinsabu fit-tieni post, żewġ punti inqas mil-leaders Milan li proprju l-Ġimgħa filgħaxija fallew żewġ punti mill-aktar importanti wara li f’darhom ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Pisa.

Napoli v Inter – Bla dubju, din hija l-aqwa partita fejn Napoli jospitaw lil Inter f’dik li meqjusa bħala waħda bilanċjata bir-riżultat jista’ jmur kull naħa.

In-Naplitani qed juru logħob offensiv u spetta­ko­lari, iżda fl-aħħar ħarġa tagħhom huma ħadu falza stikka meta sfaw megħluba minn Torino bl-iskor ta’ 1-0 biex fallew li jitilgħu waħedhom fil-quċċata tal- klassifika … biex sofrew it-tieni telfa tal-istaġun wara li kellhom ibaxxu rashom quddiem Milan bl-iskor ta’ 2-1.

Aktar minn hekk, huma sfaw ukoll megħluba minn PSV Eindhoven bl-iskor ta’ 6-2 fil-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League u għaldaqstant iridu jagħrfu kif se jirriorganizzaw kontra team li bħalissa jinsab fil-forma.

In-Nerazzurri ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 għand il-Belġjani ta’ St-Gilloise filwaqt li fl-aħħar ħarġa fil-kampjonat domestiku, barra minn darhom għelbu lil Roma bl-iskor ta’ 1-0.

Iż-żewġ timijiet għandhom diversi players neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Għal Napoli hemm neq­sin Sta­nislav Lobotka, Jesper Lindstroem, Romelu Lu­kaku u Amir Rrahmani filwaqt li Inter ma jistgħux jużaw lil Marcus Thuram u lil Matteo Darmian.

Sassuolo v Roma – Roma jmorru għand Sassuolo li jinsabu fid-disa’ pożizzjoni.

Il-Giallorossi jibdew bħala favoriti iżda fl-istess waqt iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħ­hom.

Min-naħa tagħhom, Sas­suolo jimmiraw li jirrepetu s-sorpriża ta’ kontra l-”kuġini” ta’ Roma, Lazio, meta għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0.

U minkejja li Roma ġejjin minn tliet rebħiet minn ħames partiti, huma sfaw megħluba minn Inter   u Torino bl-iskor identiku ta’ 1-0.

Għalihom, Marash Kumbulla u Angelino jinsabu mweġġgħin filwaqt li Yeferson Paz se jkun nieqes għal Sassuolo minħabba l-istess raġuni.

Lazio v Juventus – Din hija wkoll partita mill-aktar interessanti hekk kif Lazio jilqgħu lil Juventus, bil-pressjoni fuq il-coach, Igor Tudor, qegħda dejjem tikber.

Il-Bianconeri ilhom ma jirbħu fil-kompetizzjonijiet kollha mit-13 ta’ Settembru li għadda u ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Real Madrid fiċ-Champions League.

Huma għandhom lil Glei­son Bremer, Fabio Miretti, Arkadiusz Milik u Juan Cabal imweġġgħin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport