Saturday, December 21, 2024

Serie A: Napoli v Inter l-aqwa partita

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa tintlagħab il-25 ġurnata tas-Serie fejn l-aktar partita li tispikka hija dik bejn Napoli u Inter li prattikament hija diffiċli għaż-żewġ timijiet … b’rebħa għall-Partenopei tiftaħ beraħ l-isfida għar-rebħ tat-titlu.

Napoli v Inter

Inter għandhom test diffiċli quddiemhom hekk kif imorru fi Stadio San Paolo sabiex jaffrontaw lil Napoli. In-Nerazzurri kellhom telfa xejn mistennija ta’ 2-1 fid-derby kontra Milan f’partita fejn naqsu li jieħdu xi ħaġa minn din il-partita. Napoli jridu rebħa akkost ta’ kollox jekk iridu jittamaw li jirbħu l-kampjonat wara aktar minn tletin sena.

Sadanittant Inter qed jgħaddu lil Partenopei b’punt għalkemm tal-ewwel għandhom logħba inqas.

Il-coach ta’ Napoli Luciano Spalletti għandu lil Piotr Zielinski, Hirving Lozano, Andre Anguissa u Kalidou Koulibaly li għadhom qed jirkupraw minn injury.

Min-naħa l-oħra, il-kollega tiegħu Simone Inzaghi ma jistax jinkludi lil Alessandro Bastoni u Joaquin Correa.

Atalanta v Juventus

Dan hu konfront delikat għaż-żewġ timijiet hekk kif iridu rebħa akkost ta’ kollox sabiex jissieltu għar-raba’ post li jfisser post fil-UEFA Champions League. Ħafna qed isejħu din il-partita bħala deċiżiva biż-żewġ timijiet li għandhom xi plejers li kapaċi jbiddlu l-partita. 

I Bianconeri jinsabu sodisfatti bl-akkwisti li ġabu hekk kif Dusan Vlahovic u Denis Zakaria malajr ħallew l-impatt tagħhom fl-aħħar partita li lagħbu kontra Verona.

Atalanta jridu jkomplu l-konsistenza li bdew u għalhekk il-coach Giampiero Gasperini qed jitlob sforz żejjed mill-players tiegħu. Dan tal-aħħar se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Juan Musso u l-imweġġgħin Duvan Zapata u Alexei Miranchuk

Min-naħa tiegħu, Massimiliano Allegri għandu neqsin lis-sospiż Manuel Locatelli filwaqt li Giorgio Chiellini, Federico Bernardeschi u Federico Chiesa għadhom imweġġgħin.

AC Milan v Sampdoria

AC Milan jinsabu fis-seba’ sema wara r-rebħa fid-derby della Madonnina kontra Inter. It-tim immexxi minn Stefano Pioli għadu jemmen li jista’ jirbaħ il-kampjonat tant li jinsabu punt wieħed biss ‘il bogħod mil-leaders Inter li madankollu għandhom logħba inqas. 

Sampdoria mhux qed ikollhom xi staġun ta’ barra minn hawn u għandhom bżonn il-punt hekk kif jinsabu fis-16-il post fil-klassifika u prattikament fiż-żona l-ħamra.

Milan, li jibdew favoriti li jirbħu din il-partita, għandhom lil Theo Hernandez sospiż filwaqt li Ante Rebic, Zlatan Ibrahimovic u Fode Ballo huma mweġġgħin.

Sampdoria ma jistgħux jinkludu lis-sospiż Albin Ekdal kif ukoll lil Manolo Gabbiadini, Maya Yoshida u Mikkel Daamsgard li huma mweġġgħin.

Lazio v Bologna

Lazio għadhom qed jittamaw li jiksbu r-raba’ post tal-klassifika għalkemm kulma jmur din il-missjoni mhux qed tkun faċli minħabba li qed jitilfu ħafna punti. L-avversarji tagħhom fi Stadio Olimpico huma Bologna li għalkemm qed jiksbu riżultati importanti, xorta waħda għadhom ma tbiegħdux biżżejjed miż-żona l-ħamra.

Il-Biancocelesti se jkunu qed jilagħbu f’darhom u għalhekk se jippruvaw jieħdu vantaġġ minn dan il-fattur. Il-coach Maurizio Sarri għandu lil Francesco Acerbi u Daniel Akpa neqsin filwaqt li Sinisa Mihajlovic se jkollu jgħaddi mingħajr Ibrahim Mbaye, Nicolas Viola u Nicolas Dominguez li huma mweġġgħin. 

Ekonomija

Sport