Saturday, January 3, 2026

Serie A: Partita delikata għal Inter kontra Bologna

Aqra wkoll

Meta llum u għada tkompli tintlagħab it-18-il ġurnata tas-Serie A, l-attenzjoni hija mmirata fuq il-leaders Inter hekk kif għandhom test delikat meta jilqgħu lil Bologna. 

Filwaqt li Milan lagħbu tard ilbieraħ filgħaxija, Napoli wkoll għandhom partita diffiċli meta jmorru għand Lazio.

Inter vs Bologna

Inter għandhom impenn li ma tantx hu meqjus faċli meta fi Stadio San Siro jaffaċċjaw lil Bologna. It-tim ta’ Christian Chivu jidher li żied ħafna fil-logħob tiegħu filwaqt li saħansitra jinsab fl-ewwel post tal-klassifika. Huma għandhom 36 punt u għalhekk punt vantaġġ fuq il-ġirien Milan u tnejn fuq ir-rivali u champions preżenti Napoli.

Bologna jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika b’26 punt. Huma skorja 24 gowl u qalgħu 14 fejn bla dubju li jridu joqogħdu attenti iktar fid-difiża. Huma se jagħtu sfida kbira lin-Nerazzurri sabiex eventwalment jirnexxielhom jitilgħu aktar skaluni fil-klassifika.

Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr Denzel Dumfries, Ebenezer Akinsanmiro, Francesco Acerbi, Matteo Darmian, Raffaele di Gennaro u Tomas Palacios filwaqt li Bologna għandhom biss żewġ plejers barra li huma s-sospiż Lysaker Heggen u Federico Bernardeschi.

Juventus vs Lecce

Juventus mistennija jkomplu fit-triq tal-progress taħt il-kowċ Luciano Spalletti hekk kif jaffaċċjaw lil Lecce fl-Allianz Arena. It-tim Bianconero ġej minn rebħa fl-aħħar minuti tal-logħba kontra Pisa li huma bla dubju meqjusa bħala tliet punti importanti. Huma jinsabu wkoll fl-ewwel erbgħa tal-klassifika.

Lecce jinsabu r-raba’ mill-aħħar fil-klassifika. Huma għandhom ukoll bilanċ xejn tajjeb fejn skorjaw 11-il gowl u dabbru 22 gowl għal total ta’ 16-il punt. B’hekk Juventus huma favoriti li jiksbu t-tliet punti finali.

L-għan ta’ Spalletti hu li jkompli jara lit-tim tiegħu għaddej u fuq kollox idaħħal il-filosofija tiegħu fost il-plejers.

I Bianconeri se jkollhom jgħaddu mingħajr Daniele Rugani, Nico Gonzalez u Dusan Vlahovic filwaqt li Lecce ma jistgħux jużaw lil Miranda Gaspar, Fernando Morente u Christian Fruehtl.

Lazio vs Napoli

Lazio jilagħbu kontra Napoli f’logħba klassika li se tintlagħab fi Stadio Olimpico.

Lazio setgħu għamlu aħjar matul dan l-istaġun hekk kif l-ewwel partiti xejn ma kienu daqshekk pożittivi. Taħt il-kowċ Maurizio Sarri, li nzerta wkoll l-eks tal-partita, l-affarijiet xejn ma bdew tajjeb iżda issa bħal donnu hemm ċertu tip ta’ progress. Huma għandhom li 24 punt u qed jokkupaw it-tmien post tal-klassifika.

Napoli huma żewġ punti bogħod mil-liders Inter hekk kif għandhom 34 punt. Huma jridu rebħa akkost ta’ kollox minn din il-partita li se jilagħbu barra minn darhom sabiex iżommu t-tamiet tagħhom li jirbħu l-kampjonat ħajjin.

Matteo Guendouzi u Toma Basic se jkunu neqsin għal Lazio minħabba sospensjoni filwaqt li Elseid Hysaj, Samuel Gigot, Nicolo Rovella u Dimitrije Kamenovic huma wkoll barra għal Biancocelesti minħabbainjry.

I Partenopei ma jistgħux jinkludu Michael Foloronsho, Zambo Anguissa, Alex Meret u Kevin De Bruyne li huma mweġġgħin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport