Meta fadal 11-il partita għat-tmiem tas-Serie A, Inter jidhru f’pożizzjoni tajba lejn ir-rebħ tat-titlu meta għandhom vantaġġ ta’ 15-il punt fuq l-eqreb rivali, Juventus.
Peró, iż-żewġ timijiet se jkunu mpenajti f’logħbiet delikati meta Inter imorru għand Bologna filwaqt li Juventus jospitaw lil Atalanta.
Bologna v Inter – Il-leaders tal-kampjonat Taljan Inter imorru fi Stadio dall’Ara sabiex jaffrontaw lit-team immexxi minn Thiago Motta, Bologna, li jinsabu fir-raba’ post.
Il-forma li jinsabu fiha n-Nerazzurri tagħmilhom favoriti li jirbħu dan il-konfront hekk kif f’din is-sena kalendarja għadhom ma waqqgħux punt.
Iżda huma se jilagħbu kontra team li bħalissa jinsabu għaddej minn forma tajba u l-objettiv tiegħu huwa li jikkwalifika għall- UEFA Champions League għall-ewwel darba fl-istorja tal-club.
Peró, il-fatt li għandhom vantaġġ ta’ 15-il punt fil- quċċata u jonqoshom 18-il punt oħra biex jirbħu l-Iscudetto … dejjem jekk Juventus jirbħu l-partita tagħhom, Inter ma għandhom l-ebda pressjoni fuqhom u jkun xi jkun ir-riżultat xorta jibqgħu komdi li jsiru champions fil-ġimgħat li ġejjin.
Inter se jkollhom barra lil Hakan Calhanoglu, Stefano Sensi u Juan Cuadrado li għadhom imweġġgħin filwaqt li Bologna għandhom barra biss lil Adam Souamouro għall-istess raġuni.
Juventus v Atalanta – Juventus jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jospitaw lil Atalanta.
It-team immexxi mill-coach, Massimiliano Allegri, ma tantx għaddej minn forma tajba hekk kif mill-aħħar erba’ dehriet huma kisbu biss rebħa waħda biss bil-konsegwenza li tilfu kompletament il-pass ma’ Inter.
Quddiemhom għandhom ostaklu mill-aktar diffiċli minħabba li l-Bergamaschi qed jimmiraw ukoll li jtemmu fir-raba’ post li jfisser post fil-UEFA Champions League, hekk kif jinsabu fil-ħames post … punt inqas minn Bologna.
Juventus se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Dusan Vlahovic u l-imweġġgħin Adrien Rabiot, Moise Kean, Mattia De Sciglio u Matia Perin.
L-uniku player sospiż għall-viżitaturi huwa Emil Holm.
Milan v Empoli – Milan jospitaw lil Empoli fi Stadio San Siro u filwaqt li jibdew bħala favoriti netti li joħorġu rebbieħa, huma jittamaw li Juventus jiżolqu kontra Atalanta biex jaqbżuhom fit-tieni post tal-klassifika.
Ir-Rossoneri ġejjin minn rebħa importanti barra minn darhom kontra Lazio bl-iskor ta’ 1-0 li għollitilhom il-moral u l-kunfidenza għad-dritta finali ta’ dan l-istaġun.
Milan għandhom neqsin lil Rafael Leao u Alessandro Florenzi li huma sospiżi filwaqt li Tommaso Pobega jinsab imweġġa’.
Empoli ma jistgħux jużaw lil Albero Grassi, Francesco Caputo u Gabriele Guarino li qed jirkupraw minn injury.